Spezzjonijiet iwasslu għal qabdiet tad-droga u nies isuqu taħt l-effett tal-alkoħol

Droga, sokor, ħġieġ tinted, skrataċ u karozzi abbandunati - waqt rondi tal-Pulizija dan il-lejl

Il-Pulizija waqt l-ispezzjonijiet u kontrolli
Il-Pulizija waqt l-ispezzjonijiet u kontrolli

Matul il-lejl li għadda, il-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun bl-assistenza tal-Pulizija misSezzjoni tal-Klieb u mill-Garaxx tal-Pulizija, flimkien mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw numru ta’ vetturi waqt kontrolli tat-traffiku. L-ispezzjonijiet, li bdew fl-10:30 p.m u kkonludew fit-3:00 a.m. bdew fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa, fejn;

 - Raġel Sirjan ta’ 20 sena residenti Birżebbuġa nqabad isuq vettura tal-għamla Peugeot Partner mingħajr ċintorin tas-sigurtà,

 - Raġel 22 sena resideti Pembroke nqabad isuq vettura tal-għamla Volkswagen Golf b’tinted glass mhux approvat,

 -  Raġel ta’ 51 sena residenti ż-Żurrieq irriżulta li kien qiegħed isuq vettura tal-għamla Land Rover Freelander taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta filpożittiv.

Il-kontrolli komplew fi Triq l-Ewwel Titjira, Ħal Kirkop, fejn;

 - Raġel Sirjan ta’ 24 sena residenti Marsakala nqabad isuq vettura tal-għamla BMW 320D b’tinted glass mhux approvat,

 -  Fil-pussess ta’ mara ta’ 23 sena residenti Ħal Tarxien, li kienet passiġġiera f’vettura tal-għamla Opel Astra, instabet sustanza suspettata droga cannabis,

 -  Fil-pussess ta’ tfajla ta’ 19-il sena residenti Marsaskala, li kienet passiġġiera f’vettura tal-għamla Volkswagen Golf, instabet sustanza suspettata droga cannabis,

 - Fil-pussess ta’ ġuvni ta’ 17-il sena residenti Ħal Għaxaq, li kien passiġġier f’vettura tal-għamla Suzuki Samurai, instabet sustanza suspettata droga cannabis, oġġetti relatati mad-droga u mus żgħir.

 - Raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Qormi rriżulta li kien qiegħed isuq vettura tal-għamla Fiat Punto taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv.

 -  F’vettura tal-għamla Volkswagen Golf, misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Kirkop, instabu ħames skrataċ.

Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront tal-persuni filwaqt li l-investigazzjonijet għadhom għaddejjin.

Matul il-lejl li għadda ukoll, il-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun, wettqu spezzjonjiet fi stabbilimenti, fil-ġonna pubbliċi, kif ukoll f’diversi toroq. Waqt rondi fi Triq Belt il-Ħażna u Triq is-Sannat, Marsa, ġew innutati vetturi abbandunati. Fuqhom twaħħlilhom notifika sabiex is-sidien tagħhom ineħħuhom minħabba l-periklu li qegħdin joħolqu u li jistgħu jkunu lok ta’ abbużi. Il-Pulizija tkellmu ma’ dawn is-sidien fejn spjegawlhom li l-vetturi jridu jitneħħew minnufih.

Ġew spezzjonati wkoll ħwienet differenti u l-ġonna, fejn kollux instab skond il-liġi. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu wkoll numru ta’ kontravenzjonijiet fuq ipparkkjar illegali. 

More in Politika