'Mhux poġġejna oġġett, għidna x'inhu u daqshekk ... rridu lin-nies ikollhom esperjenza meta jżuru mużew'

Malta mimlija storja u allura mużewijiet li jirrakkontaw biċċiet mill-wirt tal-Maltin - glorjuż u kkulurit.  F'Sant'Iermu l-Belt Valletta, il-gazzetta ILLUM tintervista lil Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta' Heritage Malta

Noel Zammit/CEO Heritage Malta
Noel Zammit/CEO Heritage Malta

X’inhu l-iskop ta’ din l-entità u x’inhuma s-siti storiċi li din l-entità tieħu ħsieb?  Liema entitajiet jinsabu f’idejha?

Heritage Malta hija aġenzija governattiva, jiġifieri mwaqqfa mill-Gvern bil-għan ewlieni tagħha hu li tieħu ħsieb il-wirt kulturali nazzjonali li jiġi fdat lilha. Il-missjoni ta’ Heritage Malta hija fil-fatt dik li tipproteġi, tikkonserva, tippromovi u tagħmel aċċessibbli l-wirt kulturali li jiġi taħtha. 

Dan il-wirt kulturali jinkludi siti bħal tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Mnajdra, bħall-Ġgantija, it-tempji ta’ Tarxien, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, kif ukoll hawnhekk fejn qegħdin fil-Forti Sant’Iermu u l-Mużew tal-Gwerra, il-MUŻA. B’kollox għandha madwar 27 sit u mużew illi tiftaħ kuljum u hemm xi 15/16 il-sit ieħor illi huma magħluqin jew jiftħu biss b’appuntament. 

 Jiġifieri meta ngħidu intom tieħdu ħsiebhom, intom sempliċiment taraw illi l-manutenzjoni qed issir u daqshekk? Jew l-irwol tagħkom imur oltrè minn sempliċiment manutenzjoni u day-to-day needs ta’ sit? 

Il-manutenzjoni hija biss faxxa minn dak illi nagħmlu. Hija biċċa ta’ dak li jsir ġos-siti u l-mużewijiet tagħna. Aħna għandna kollezzjoni estensiva ta’ artifatti illi rridu nieħdu ħsieb.  Irridu nieħdu ħsiebhom mhux mill-lat ta’ konservazzjoni biss iżda mil-lat ta’ riċerka fuqhom, ta’ pubblikazzjoni u ta’ edukazzjoni.

 Irridu nedukaw lill-pubbliku. Irridu wkoll kif għidt, nippromwovu dan il-wirt kulturali fdat lilna, kemm lokalment lill-Maltin u l-Għawdxin u t-tfal u l-familji, iżda wkoll għat-turisti.

L-għanijiet ewlenin tagħna huma dawk fil-fatt, madwar l-aċċessibbiltà tal-wirt kulturali. Meta ngħid aċċessibbiltà, mhux biss aċċessibbiltà fiżika, jiġfieri li wieħed ġie u daħal ġo mużew u ra b’għajnejh, miss b’idejh u tgħallem, iżda wkoll aċċessibbiltà intellettwali, biex ngħid hekk, jiġifieri dawk l-elementi kollha illi wieħed jista’ jgħallem bihom lill-pubbliku, aħna nużawhom u nisfruttawhom għall-wirt kulturali u għal ġieħ il-pubbliku. 

Semmejt l-artifatti. Waħda mill-aħħar akkwisti fil-fatt ta’ Heritage Malta hija pittura ta’ Mattia Preti.  Irriklamajtu dan l-akkwist ħafna fuq il-midja.  X’inhu l-iskop fil-fatt illi jsiru dawn it-tip ta’ akkwisti? U għalfejn isiru dawn l-akkwisti, speċjalment dan per eżempju, għalfejn sar? Ikun hemm forsi min mhuwiex daqshekk intiż fil-qasam kulturali, jgħidlek ‘Qed nonfqu dal-miljuni biex inġibu pittura ...'

Il-Mużew Marittimu se jkollna esperjenza tal-binja, ħa nagħtu esperjenza tal-istorja marittima ta’ Malta, jiġifieri minn żmien il-Feniċi meta ġew bil-baħar, il-ħakkiema li kellna Malta – kollha bil-baħar ġew Noel Zammit/CEO Heritage Malta

L-għan ta’ Heritage Malta wkoll jinkludi t-tkabbir tal-kollezzjoni nazzjonali. U dan nagħmluh b’modi varji. Jiġifieri nagħmluh billi jkun hemm min jagħti donazzjonijiet ta’ artifatti lil-Aġenzija. Biss però wkoll inkunu qed nippruvaw naraw jekk ikunx hemm xi bejgħ ta’ artifatti illi nkunu nistgħu nidħlu għalihom.  Din il-pittura li għadek kif semmejt hija ta’ Boezju u l-Filosofija hija pittura ta’ Mattia Preti li kien wieħed mill-aħħar akkwisti li għamlet l-Aġenzija b’għajnuna ta’ entitajiet oħra. U għalhiex xtrajna din il-pittura? Mela l-ewwel nett kienet pittura illi kienet imdendla ġol-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt, jiġifieri l-Palazz tal-President, fejn kien jiltaqa’ l-Parlament biex nifthiemu. Dik kienet indendla hemmhekk iżda fi żmien l-Ingliżi, inħarġet minn hemm u spiċċat f’kollezzjonijiet privati. 

Kienet pittura illi Mattia Preti pinġa fl-aqwa tal-karriera artistika tiegħu. Jiġifieri għandha wkoll valur artistiku importanti u b’saħħtu ħafna. Hija pittura kbira bħala daqs u maestuża allura ħassejna li għandha terġa’ tiġi lura f’darha u f’postha u eventwalment tiddendel fil-Palazz tal-Gran Mastru u hemm fejn verament jistħoqqilha tiddendel, hux hekk?

Dawn l-akkwisti huma importanti ħalli nwessgħu l-kollezzjoni nazzjonali tagħna kemm jista’ jkun, jiġifieri l-valur tal-kollezzjoni tagħna, kull ma jmur jiżdied, mhux biss f’valur monetarju. Aħna mhux lejn il-flus inħarsu hawnhekk meta naraw il-kollezzjoni nazzjonali tagħna, imma l-valur artistiku.

L-akkwist minn Heritage Malta' ta' 'Boezju u l-Filosofija' ta' Mattia Preti
L-akkwist minn Heritage Malta' ta' 'Boezju u l-Filosofija' ta' Mattia Preti

Semmejt il-Palazz tal-Gran Mastru. Fil-fatt bħalissa għaddej proġett ta’ rinovar fil-Palazz tal-Gran Mastru. Għaddejjin ukoll proġetti fil-Mużew Marittimu u Għar Dalam. Tista’ forsi tispjegalna f’liema stadju wasal kull proġett?

Il-proġett ta' Għar Dalam jinvolvi r-refurbishment tal-Visitor Centre u tar-reception area. Dan għamilnieh għax ħassejna li Għar Dalam jistħoqqlu titjib. 

Kien qed isir popolari mat-turisti, iktar ma jmur, allura kien hemm bżonn illi t-turist jew il-Malti, kif jidħol Għar Dalam, isib naqra spazju frisk u mmodernizzat. B’hekk għamilna reception area ġdida fejn għandna filmati awdjo-viżivi li jispjegaw lil kull min jiġi jżur Għar Dalam: x’inhu das-sit? Għaliex hemm dal-għar? X’inhi l-kollezzjoni?  Ħalli mbagħad meta jmur ġo l-għar jifhem aktar dak illi qed ngħidu. Dan huwa proġett illi għaddej bħalissa u mistenni jkun lest sal-aħħar ta' Awwissu. 

Minn naħa l-oħra l-proġett tal-Mużew Marittimu, proġett għal qalbi ħafna, huwa interessanti. 

Il-Mużew Marittimu qiegħed ġo binja storika ġewwa l-Birgu li fi żmien l-Ingliżi kienet il-Bakery Navali; jaħmu l-ħobż, għan-navy kollha - kien joħroġ jidhirli mal-ħames tunnellati ħobż kuljum minn ġo din il-binja. 

Hija binja interessanti ħafna illi fl-aħħar se tingħata l-ħajja permezz ta' fondi nazzjonali u fondi tan-Norveġja tal-EEA. 

Qed inħarsu lejn il-Mużew Marittimu bħala proġett wieħed. Qed nirrestawraw spazji illi qabel kienu magħluqin għall-pubbliku u ħa niftħuhom.  Qed nirrestawraw spazji fejn se niġbru kollezzjoni importanti ta’ Jacques Cousteau, esploratur imsemmi ħafna.  

Se naħdmu wkoll fuq l-interpretazzjoni tal-istorja marittima ġewwa din il-binja. 

Jiġifieri barra li ħa nagħmlu restawr estensiv tal-binja, ħa ninterpretaw il-binja - Għaliex kienet tintuża fi żminijiet differenti. 

Jiġifieri dan se jkun aktar minn proġett fejn tmur, tara oġġett u daqshekk?

Le. Esperjenzi. Aħna illum tgħallimna illi mużew m’għadux titfa’ ftit oġġetti, tgħid x’inhuma u daqshekk. Le. Illum il-mużew huwa esperjenza. U esperjeza biex tkun suċċess trid tkun multisensory.

Il-Mużew Marittimu se jkollna esperjenza tal-binja, ħa nagħtu esperjenza tal-istorja marittima ta’ Malta, jiġifieri minn żmien il-Feniċi meta ġew bil-baħar, il-ħakkiema li kellna Malta – kollha bil-baħar ġew. Hemm fran ġo maħżen f'din il-binja li huma tal-Ingliżi. Nixtiequ nirrestawraw xi wieħed minnhom u nippruvaw inħaddmuh u naħdmu l-ħobż, il-galletti, hekk kif kienu jaħmuhom missirijietna

U meta taraw li fil-fatt ser ikun lest dan il-proġett?

L-ewwel fażi tiegħu, jiġifieri s-silos u l-kollezzjoni ta’ Jacques Cousteau u l-interpretazzjoni tal-marittimu se jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla, il-bidu tas-sena ta’ wara. It-tieni fażi, jiġifieri l-kumplament sat-tmiem l-2022.

U l-Palazz tal-Gran Mastru fejn kien hemm il-Parlament l-antik?  X'qed jiġri? X'se jiġri fil-fatt f'dak li kien il-Parlament qabel mexa' għal fejn huwa llum? 
 

Il-Proġett tal-Palazz tal-Gran Mastru huwa l-ikbar li qatt kellha Heritage Malta. Dan se jiġi jiswa bejn wieħed u ieħor €28 miljun ewro. Biex nagħtik eżempju, il-proġett ta’ Sant’Anġlu ġie jiswa mat-€12-il miljun. 

Xogħol ta' restawr u konservazzjoni fil-Palazz tal-Granmastru, il-Belt
Xogħol ta' restawr u konservazzjoni fil-Palazz tal-Granmastru, il-Belt

Dan il-proġett maqsum f’numru ta’ fażijiet. L-ewwel fażi ffinanzjata b’fondi tal-UE, ta’ €10 miljuni se tieħu ħsieb li tirrestawra l-pitturi ta’ ġos-swali u ta’ ġol-kurituri. U tieħu ħsieb ukoll it-trasferiment tal-Armerija minn fejn hi llum isfel, għal fuq fejn fil-fatt kien jiltaqa’ l-Parlament. Hemmhekk kienet l-Armerija oriġinali fi Żmien il-Kavallieri. Allura se nerġgħu neħduha f’postha.  L-ewwel fażi jiġifieri din tal-fondi tal-UE tinkludi wkoll restawr tal-elementi tal-ġebel li hemm ġo partijiet mill-Palazz. 

Fortunatament il-President tar-Repubblika għinna billi ddeċieda li għal dan iż-żmien joħroġ mill-Parlament u jmur San Anton, ħalli nkunu nistgħu naħdmu fuq il-kumplament tal-Palazz. 

U b’hekk l-ispiża fuq il-proġett tal-Palazz, minn €10 miljuni telgħet ħafna, għax filli qed nagħmlu terz tal-Palazz, filli ħa nagħmlu l-Palazz kollu. 

F’sena, qabel ma daħħalna l-Passaport, biex nagħtik eżempju, kienu jiġu bejn 20,000 u 30,000 Malti ġos-siti tagħna. Minn mindu daħħalna l-Passaport, ġew aktar minn 120,000 Noel Zammit/CEO Heritage Malta

Bħalissa qed niddiskutu l-COVID f’pajjiżna, bħal ma qed jiddiskutu madwar id-dinja kollha. Heritage Malta mhix lukanda.  Però tiddependu ħafna mit-turisti.  L-ewwelnett kemm tiddependu mit-turisti bħala dħul? U kemm rajtu dak id-dħul jonqos waqt il-pandemija? 

Iva. It-turist huwa d-dħul prinċipali ta’ Heritage Malta. Jiġifieri biex nagħti eżempju, Heritage Malta għandha bżonn bejn wieħed u ieħor €12 il-miljun biex tgħix - pagi, manutenzjoni, upkeep tal-mużewijiet, sigurtà u aktar. 

Minnhom, dawn it-€12 il-miljun, jagħtina bejn wieħed u ieħor €5 miljuni biss il-Gvern. Il-kumplament irridu niġġenerawhom bis-saħħa tad-dħul tal-miżati tal-mużewijiet.  Jiġifieri iva, il-COVID affetwatna. 

Meta kellna nagħlqu l-mużewijiet u s-siti li kien fit-13 ta’ Marzu, filli konna għaddejjin b’ritmu tajjeb ħafna, filli waqafna ħesrem. Fortunatament, konna wkoll bil-għaqal tul it-tliet snin illi għaddew u għamilna wkoll  xi profitti li servew ta' lqugħ.

Hemm xi linji gwida f’dak li għandu x’jaqsam ma’ saħħa issa, meta persuna żżur is-siti tagħkom, anki biex min qed jaqra din l-intervista jkollu moħħu mistrieħ li meta se jiġi f’wieħed mill-mużewijiet ta’ Heritage Malta hemm linji gwida u protokolli ta’ saħħa?

Iva, aħna flimkien mad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa għamilna linji gwida għall-mużewijiet tagħna. Dawn il-linji gwida ġibnihom ukoll mill-ICOM li huwa l-International Council of Museums illi bażikament jagħti pariri fuq livell globali fejn jidħol mużewijiet u siti storiċi. U għalhekk ħriġna numru ta’ linji gwida sabiex nissalvagwardjaw is-saħħa, kemm tal-impjegati ta’ Heritage Malta tal-mużewijiet u s-siti kif ukoll ta’ kull min jiġi jżurna. Għamilna pereżempju auto dispencers u hand sanitizers kullimkien. 

Nagħtu wkoll maskri, anka b’xejn, lil min jiġi bla maskra ġo xi mużew li huwa ġewwa. 

Noqogħdu attenti wkoll biex naraw li ma jkunx hemm ammonti kbar ta’ nies f’daqqa ġo mużew u sit u żidna il-membri tas-sigurtà biex jieħdu ħsieb illi l-limitu ta’ nies stabbilit bil-liġi ma jinqabiżx. 

X' kien ir-rispons tal-inizzjattiva li kien ħa l-Gvern tal-Pass tat-tfal li jistgħu jieħdu l-ġenituri u adult magħhom f'mużew?  Kemm kellkhom rispons tajjeb? 

Minn midnu għamilniha qisu sena u ftit xhur ilu, l-ewwel ma ħriġna kienet l-Pass tat-tfal, jiġifieri l-Passaport tat-tfal fejn bih tifel jew tifla jkun jista’ jieħu sa żewġ adulti miegħu u b’xejn, fi kwalunkwe sit ta’ Heritage Malta. 

U r-rispons kien inkredibbli. F’sena, qabel ma daħħalna l-Passaport, biex nagħtik eżempju, kienu jiġu bejn 20,000 u 30,000 Malti ġos-siti tagħna. Minn mindu daħħalna l-Passaport, ġew aktar minn 120,000 - żieda ta' iktar minn minn erba' darbiet . 

U l-Passaport tal-Anzjani jaħdem billi jkun hemm anzjan, japplika għalih u miegħu ikun jista’ jieħu żewġ adoloxxenti.  B'hekk f'inizjattiva waħda nippromwovu t-tfal jieħdu l-ġenituri u fl-oħra nippromwovu l-anzjani jieħdu n-neputijiet. 

Ħriġtu bl-inizzjattiva ta’ mużewijiet u siti li huma virtwali. Imma din ma tistax taħdem kontrikhom fis-sens illi n-nies jippreferu jużaw il-mezzi virtwali, milli fil-fatt imorru jħallsu d-dħul u jmorru f’mużew. U x’rispons kellkhom għal dikn l-inizzjattiva?

L-ewwel nett aħna, il-mużewijiet u s-siti tagħna għamilnihom b’mod virtwali flimkien ma’ sħubija ma’ Google. Google huwa ġgant fit-teknoloġija, jiġifieri ma tistax iġġibha ħażina. U allura l-mużewijiet u s-siti tagħna li poġġejna fuq l-internet, jiġifieri aċċessibbli b’mod virtwali, kienu ta’ kwalità. Issa, għall-mistoqsija tiegħek – l-effett tagħhom. Pjuttost il-kontra. Kull min iżur sit u mużew b’mod virtwali jitħajjar iktar jiġi jarah fiżikament. U dik kienet ir-rispons diretta li ħadna minn barranin – Amerikani, Ġermaniżi, Awstrijaċi, Pollakki... ir-rispons dirett li ħadna meta dawn daħlu per eżempju hawnhekk Sant’Iermu u raw is-swali. Marru Sant’Anġlu u raw il-guva fejn kien hemm Carvaggio per eżempju. Dawn kollha l-kummenti tagħhom kienu 'jien se niġi Malta u ħa mmur f’dan il-post. Jien ħa niġi nara – ħa niġi nara dan il-mużew ... '

U finalment X’inhuma l-pjanijiet tagħkom għall-futur?

Il-pjanijiet għall-futur huma varji. Aħna nieħdu pjaċir naraw reġjun u nagħmlu strateġija għalih. Per eżempju ħa nieħu l-Belt, ir-reġjun tal-Belt. Hemmhekk barra li għandna Sant’Iermu, il-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-Palazz li ilhom f’idejna, ħadna wkoll iċ-ċisterni taħt il-Belt, dik li hemm quddiem il-Qorti u t-tunnels kollha li hemm taħt il-Belt, ħa nippruvaw nagħmluhom aċċessibbli. U għandna wkoll il-Knisja tal-Pilar, nippruvaw nagħmluha aċċessibbli, niftħuha għall-pubbliku wkoll. 

Ħadna wkoll il-Fortress Builders – binja li hemm Biagio Step. Dik beħsiebna nagħmluha ċentru ta’ interpretazzjoni tal-wirt intanġibbli tal-Belt – illi fejn nikkaverjaw il-karnival, il-festi, l-Għid u tant u tant aktar xogħol.

Noel Zammit waqt l-intervista mal-illum.com.mt
Noel Zammit waqt l-intervista mal-illum.com.mt

More in Politika