It-tobba jissospendu d-direttivi ... jagħtu lill-Gvern ġimgħa ċans biex jieħu deċiżjonijiet effettivi

Dalgħodu l-MAM kellha kliem iebes u saħqet li r-regħba ta' xi wħud waslet biex illum pajjiżi Ewropej qed jagħtu 'ċertifikat ta' inkompetenza' lil Malta

Martin Balzan (MAM)
Martin Balzan (MAM)

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qed twaqqaf id-direttivi kollha tagħha għal ġimgħa mil-lum fejn se tkun qed tistenna li l-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Fi stqarrija, il-MAM saħqet li sfortunatament, dak kollu li hi kienet qed twissi dwaru, qed jimmaterjalizza ruħu. "|l-festa ta' Santa Marija, li normalment tfakkar it-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, bil-miġja tal-konvoj, issa tista' tkun assoċjata 'mal-aktar żmien mudlam' għax l-ivjaġġar bl-arju sar limitat ħafna minħabba l-kriżi."

Il-MAM tefgħet il-ħtija fuq il-pressjoni, li fi kliemha għamlet l-MHRA, fuq l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u li wasslet biex il-Gvern jieħu deċiżjonijiet "diżastrużi," li qed ikollhom effett dirett u negattiv fuq l-industrija tat-turiżmu u s-saħħa pubblika.

"Ħafna pajjiżi Ewropej issa ħarġu l-karta l-ħamra u prattikament taw lil Malta ċertifikat formali ta' inkompetenza," tkompli l-istqarrija.

Kien hawn li l-MAM saħqet li l-ftuħ tal-ajruport mingħajr prekawzjonijiet lejn pajjiżi mhux siguri minħabba l-virus, kummenti bħal "il-battalja għaddiet," u l-permessi għall-attivitajiet tal-massa, ħolqu 'cocktail valenuż."

Fakkret kif in-numru tal-COVID-19 qed jibqgħu jiżdiedu u l-ħaddiema tas-saħħa qed ipoġġu ħajjithom f'riskju minħabba "r-regħba" u d-deċiżjonijiet li, fi kliemha, ma tawx kas l-evidenza xjentifika.

"Issa, l-għajxien kemm ta' min iħaddem u ta' eluf ta' ħaddiema fis-settur tat-turiżmu, jinsab f'riskju," kompliet il-MAM.

Appellat lill-Gvern biex ma jibqax jinjora dan kollu, daqslikieku mhu qed jiġri xejn. Saħqet li l-Gvern irid jirrikonoxxi l-iżbalji tiegħu u immedjatament jintervjeni biex ma ssirx aktar ħsara. 

"Issa wasal iż-żmien li l-Gvern isegwi l-pariri tal-esperti fis-saħħa pubblika u anke tal-evidenza xjentifika," insistew it-tobba.

Appellat biex ikunu introdotti miżuri effetti li jnaqqsu l-każi l-ġodda u t-tixrid tal-virus u saħqet li dan irid isir immedjatament.

"Ma hemmx post għall-parties, id-discos u l-clubbing fil-qalba ta' pandemija," komplew it-tobba. "L-attivitajiet kollha ta' aktar minn għaxar persuni huma l-kawża tal-problema tagħna u għalhekk għandhom jitwaqqfu minnufih."

Temmew jisħqu li jekk il-pajjiż irid jevita lockdown totali, mela allura il-miżuri tad-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskra għandu jkun infurzat mill-Pulizija.

"Il-Maltin urew dixxiplina kbira minn Marzu sa Mejju u d-deċiżjonijiet tal-Gvern iridu jkunu bbażati fuq l-esperjenza ta' dak iż-żmien li tat suċċess," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika