Covid-19 | Il-Ministeru jħabbar 49 każ pożittiv ... isiru rekord ta' 2,200 test f'24 siegħa

Sitt każi huma mill-isptar Mount Carmel, erba' mit-tim tal-film Jurassic World u tlieta mit-tim tal-futbol ta' Balzan

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa saru rekord ta’ swab tests, jiġifieri 2,200 test u minn dawn instabu 49 każ pożittiv.

Sitt każi huma mill-isptar Mount Carmel, erba' mit-tim tal-film Jurassic World (li qed jinħadem Malta) u tlieta mit-tim tal-futbol ta' Balzan. Dwar il-każi kollha l-oħra għad ma hemmx biżżejjed informazzjoni u l-contact tracing għadu għaddej. 

Apparti dawn, fl-aħħar 24 siegħa fiequ tliet pazjenti biex issa hawn 486 każ attiv. 

"Il-Ministeru għas-Saħħa jappella għal responsabbiltà f’dawn il-mumenti u ma għandux ikun hemm spekulazzjoni b’numri jew inkella tixrid ta’ aħbarijiet foloz li jallarmaw lin-nies għal xejn," saħqet l-istqarrija.

Sa dan il-ħin m’hemm ebda pazjent fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u għalhekk il-Ministeru appella biex kulħadd għandu jkun kawt fil-kummenti tiegħu dwar pazjenti f’qagħda kritika. 

Il-Ministeru rringrazzja lill-ħaddiema kollha fil-qasam tas-saħħa li għal darb’oħra qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jiġġieldu l-imxija tal-Covid-19.

"Li jsiru numru kbir ta’ testijiet, hija waħda mill-miżuri l-aktar effettivi kontra l-Covid-19 hekk kif tkun tista’ tiżola l-każijiet pożittivi u tpoġġi kwarantina lil kull min kellu kuntatt magħhom, b’hekk kemm jista’ jkun tnaqqas aktar it-tixrid," saħaq il-Ministeru.

More in Politika