'X’jiswa li jkollok it-tkabbir ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja tibqa’ l-istess?' - PM

Robert Abela ċaħad suġġerimenti li l-aħħar mewġa ta’ każi kienet riżultat ta’ deċiżjonijiet tal-Gvern biex jirilaxxa miżuri qabel iż-żmien

Il-governanza tajba, it-tkabbir ekonomiku, l-edukazzjoni, it-titjieb tal-infrastruttura tal-pajjiż u l-mira li Malta ssir carbon-neutral sal-2050, huma l-pilastri tal-politika ekonomika tal-Gvern.

Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa tal-Kabinett li saret fil-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta.

Insista li l-għan aħħari huwa li dan kollu jtejjeb il-ħajja tan-nies.

 “X’jiswa li jkollok it-tkabbir ekonomiku u l-kwalità tal-ħajja tibqa’ l-istess?”, staqsa l-Prim Ministru.

Il-laqgħa tal-Kabinett
Il-laqgħa tal-Kabinett

Il-kabinett qed jistudja studju li sar riċentament mill-Kamra tal-Kummerċ u li jiffoka fuq l-iżvilupp ekonomiku wara l-pandemija.

Waqt li tkellem dwar il-kritika li qala' fl-aħħar jiem wara ż-żieda fil-każi tal-Covid-19, il-Prim Ministru qal li d-deċiżjoni li jitħassru ċertu parties li kienu se jattiraw eluf ta’ nies, kienet deċiżjoni li ttieħdet fl-interess tas-saħħa pubblika. 

Madanakollu ċaħad suġġerimenti li l-aħħar mewġa ta’ każi kienet riżultat ta’ deċiżjonijiet tal-Gvern biex jirilaxxa miżuri qabel iż-żmien.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb, appella lill-Gvern biex jippjana l-istrateġija ekonomika għall-ħames snin li ġejjin għax in-negozji għandhom bżonn direzzjoni.

David Xuereb - President tal-Kamra tal-Kummerċ
David Xuereb - President tal-Kamra tal-Kummerċ

More in Politika