Testijiet fl-Italja għal min jirritorna minn Spanja u l-Greċja; Ikkunsidrata wkoll Malta

Il-Ministru għas-Saħħa Roberto Speranza jitkellem fuq aktar kontrolli fl-ajruporti u l-portiijet

Il-każi dejjem jiżdiedu ta’ Covid-19 f’Malta u f’pajjiżi oħra Ewropej qed iħasseb lill-Italja, pajjiż li l-pandemija niżlet għarkupptejh għal xhur sħaħ.

Skont il-ġurnal Corriere della Sera, il-Gvern se jkun qed jintroduċi testijiet (li rriżultat tagħhom ikun magħruf wara ftit ħin) għat-turisti li jirritornaw minn Spanja u l-Greċja u mhux eskluż li l-istess testijiet jibdew isiru anke fuq dawk li jirritornaw minn Malta u l-Kroazja.

Il-Ministru għas-Saħħa Roberto Speranza tkellem fuq aktar kontrolli li se jkunu introdotti mhux biss fl-ajruporti iżda anke fil-portijiet u fl-istazzjonijiet tal-ferrovija, fost oħrajn.

Jidher li l-Italja hija mħassba minħabba li diversi Taljani li għażlu li jsiefru qed jirritornaw infettati bil-virus.

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, il-midja Taljani rrappurtat ukoll każijiet ta’ żgħażagħ li ġew btala Malta u ħarġilhom il-virus malli rritornaw.

Il-Ministru qal li anke jekk l-UE qed tappella biex l-għeluq tal-fruntieri isir b’mod koordinat, diversi pajjiżi reġgħu qed idaħħlu aktar kontrolli fuq l-ivjaġġar u għalhekk l-Italja tinsab fil-proċess li tirrevedi l-lista ta’ pajjiżi li min jirritorna minnhom ikun obbligat jagħmel kwarantina.

Ilbieraħ l-Islovenja neħħiet lil Malta minn fuq il-lista ta' pajjiżi siguri għas-safar, l-istess kif għamlet l-Irlanda.

Il-Litwanja kienet l-ewwel li għalqet il-fruntieri tagħha għal Malta.

More in Politika