'Il-PN li nixtieq jien huwa PN li jisma’ l-opinjonijiet, iħoss id-diffikultajiet, u jaspira x-xewqat tan-nies'

'F’dawn l-aħħar ġimgħat u ġranet jiena tajt widen u għarbilt is-sejħa tal-pajjiż u tan-nies li jħobbu n-nazzjon tagħna u l-partit tagħna ... noffri lili nnifsi biex inservi fil-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista'

L-avukat Bernard Grech
L-avukat Bernard Grech

Bernard Grech ħabbar li se jkun qed jikkandida ruħu għall-elezzjoni ta' Kap ġdid Nazzjonalista, filwaqt li offra l-viżjoni tiegħu għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiż.  Grech, avukat minn Birżebbuġa, sostna li l-viżjoni tiegħu għall-Partit Nazzjonalista huwa li dan ikun wieħed "li jisma’ l-opinjonijiet, iħoss id-diffikultajiet, u jaspira x-xewqat tan-nies."

Huwa wassal il-viżjoni tiegħu ta' partit li jemmen tassew fil-ġid komun bi u li jaħdem biex "ħadd ma jibqa' lura".  Huwa jagħmel aċċenn fuq iż-żgħażagħ u l-parti li dawn lagħbu fl-istorja ta' pajjiżna kif ukoll fuq il-bżonn ta' ekonomija li twieżen lil kulħadd. 

"Dan it-twemmin tiegħi mhux b’kumbinazzjoni, iżda jirrifletti dak il-prinċipju tal-PN li dejjem kien partit tan-nies b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi."

Huwa jirriserva parti mill-messaġġ tiegħu għall-korruzzjoni:  "Le għar-rgħiba u l-korruzzjoni" jgħid Grech li jsostni illi l-ġid m'għandux jinħoloq għall-ftit.  "Jekk il-ġid li jiġi ġġenerat f’dan il-pajjiż jibda jmur b’mod illegali fi bwiet erbgħa min-nies jew minħabba rgħiba jew minħabba korruzzjoni, jew minħabba t-tnejn li huma, jkun ifisser li dan il-pajjiż ikun qed jiżvina, għaliex l-ekonomija tiegħu, li hija demmu, ma tkunx qed isostni lill-ġisem politiku iżda tkun qed tmur barra minnu."

"L-ekonomija trid toħloq postijiet tax-xogħol għall-kategoriji kollha. Mhux biss f’oqsma li diġà stabbiliti, li għandhom ikomplu jissaħħu, bħal industriji tat-teknoloġija u tas-servizzi finanzjarji, iżda għandu jkun hemm ideat ġodda u swieq ġodda. Dan jista’ jseħħ biss jekk nisimgħu lin-negozjanti, lill-professjonisti, lill-industrijalisti. B’hekk biss jitwettaq dak il-prinċipju li kulħadd jieħu sehem fl-iżvilupp ekonomiku li jkattar xogħol dinjituż imħallas b’mod ġust," sostna Grerch dwar il-qasam tax-xogħol. 

Dan huwa l-messaġġ sħiħ ta' Bernard Grech u l-viżjoni politika tiegħu għall-Partit Nazzjonalista:

"Ix-xewqat tiegħi għal Malta u għall-Partit Nazzjonalista

Nemmen tassew li l-ġid komuni jintlaħaq biss jekk jinħolqu dawk iċ-ċirkustanzi fil-politika li bihom ħadd ma jibqa’ lura. Mill-kbir saż-żgħir, min-negozjant sal-ħaddiem, minn min ma jistax jasal, għalkemm irid, sal-penzjonant. Kollha għandu jkollhom il-libertà li javvanzaw, u filwaqt li jagħmlu dan jgħinu fl-iżvilupp tal-komunità li jgħixu fiha. Dan it-twemmin tiegħi mhux b’kumbinazzjoni, iżda jirrifletti dak il-prinċipju tal-PN li dejjem kien partit tan-nies b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi.

Għalija partit politiku huwa biss għodda ssofistikata sabiex noħolqu dan il-ġid li finalment għandu dejjem jaħdem b’risq id-dinjità umana.

wieħed ma jistax jibda jitkellem fuq ħwejjeġ nobbli bħall-ġustizzja, l-Istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jekk ħafna min-nies huma fix-xifer tal-faqar jew huma mingħajr impjieg, jew huma bil-ġuħ. Għalhekk, il-PN li nixtieq jien huwa PN li jisma’ l-opinjonijiet, iħoss id-diffikultajiet, u jaspira x-xewqat tan-nies Bernard Grech

"Partit Nazzjonalista li jisma''

Huwa għalhekk li jien naħseb li n-nies, il-Maltin u l-Għawdxin, li għalihom twaqqaf il-PN, għandhom dejjem jiġu qabel l-affarijiet materjali. Madankollu, wieħed irid jifhem li f’din ir-realtà li qed ngħixu fiha, wieħed ma jistax jibda jitkellem fuq ħwejjeġ nobbli bħall-ġustizzja, l-Istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, jekk ħafna min-nies huma fix-xifer tal-faqar jew huma mingħajr impjieg, jew huma bil-ġuħ. Għalhekk, il-PN li nixtieq jien huwa PN li jisma’ l-opinjonijiet, iħoss id-diffikultajiet, u jaspira x-xewqat tan-nies. Ironikament, dawn l-ideali għolja ta’ ġustizzja, l-Istat tad-dritt u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma kollha maħsuba sabiex iħarsu lilna lkoll, però partikularment liż-żgħir.

nisimgħu lin-negozjanti, lill-professjonisti, lill-industrijalisti. B’hekk biss jitwettaq dak il-prinċipju li kulħadd jieħu sehem fl-iżvilupp ekonomiku li jkattar xogħol dinjituż imħallas b’mod ġust, u f’qafas ta’ istituzzjonijiet li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema u l-impriżi Bernard Grech

L-ekonomija trid tilħaq lil kulħadd

Għalhekk, il-politika ssir l-qafas fejn iseħħ dan kollu, hija l-ġisem li bih jitwettaq dan il-ġid. Jekk il-politika hija l-ġisem, l-ekonomija hija d-demm li jagħti l-ħajja lil dan il-ġisem u għalhekk l-ekonomija trid tilħaq lil kulħadd, trid tinkludi lil kulħadd. L-ekonomija biex tkun tassew ġusta trid toħloq bilanċ bejn dawk li għandhom ħafna u li jixprunaw it-tibdil fil-qasam tax-xogħol, u jiġġeneraw il-ġid għalihom u għall-komunità, u dawk li jaħdmu bil-paga u jgħajxu lill-familji tagħhom.

L-ekonomija trid toħloq postijiet tax-xogħol għall-kategoriji kollha. Mhux biss f’oqsma li diġà stabbiliti, li għandhom ikomplu jissaħħu, bħal industriji tat-teknoloġija u tas-servizzi finanzjarji, iżda għandu jkun hemm ideat ġodda u swieq ġodda. Dan jista’ jseħħ biss jekk nisimgħu lin-negozjanti, lill-professjonisti, lill-industrijalisti. B’hekk biss jitwettaq dak il-prinċipju li kulħadd jieħu sehem fl-iżvilupp ekonomiku li jkattar xogħol dinjituż imħallas b’mod ġust, u f’qafas ta’ istituzzjonijiet li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema u l-impriżi, partikolarment dawk żgħar u medji, li jippromwovu l-inizjattiva u l-imprenditorjalità b’investiment qawwi fil-faċilitajiet tar-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni.

L-edukazzjoni:  Is-sinsla tal-pajjiż

Intimament marbuta mal-ekonomija hemm l-edukazzjoni. In-nies li llum jifformaw is-sinsla ta’ dan il-ġisem kollha ħadu t-taħriġ tagħhom. Il-PN kien dejjem fil-qasam edukattiv u kompla jkabbar il-possibbiltajiet għal kull min irid jitgħallem: kbir jew żgħir, għani jew le, sabiex dak jew dik jilħqu l-milja personali tagħhom. Isiru l-aħjar verżjoni tagħhom infushom.
Mhux ta’ b’xejn li l-PN jemmen li kulħadd, tul ħajtu, ikollu l-opportunità għall-edukazzjoni u li jiżviluppa l-ħiliet individwali tiegħu bl-għajnuna tal-aqwa tagħlim u appoġġ personalizzat, u li jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħajja tal-familja, tax-xogħol u tas-soċjetà ċivili.

B’dan f’moħħi hija xewqa tiegħi li l-Malta li nixtieq lil uliedi u lil ulied uliedi jgħixu fiha tkun waħda fejn l-għalliema jkollhom l-aħjar taħriġ u l-aħjar kundizzjonijiet. Fejn l-edukazzjoni u l-industrija jikkollaboraw aktar. Fejn l-arti u l-kultura jkollhom post prominenti mal-matematika u l-lingwi. U b’hekk, nemmen u nixtieq li jitwettaq il-prinċipju tal-PN li kulħadd jibbenefika mit-tkattir tal-faċilitajiet kulturali u jistagħna fl-għarfien u l-imħabba tal-wirt storiku, kulturali u tal-arti biex nibqgħu niġġeddu soċjalment bil-ħiliet kreattivi u artistiċi tal-poplu tagħna.

Malta li tħaddar u ma tħammiġx

Nemmen ukoll fl-interdipendenza bejn il-bniedem u l-ambjent. U għaldaqstant in-nies ma jistgħux igawdu kwalità ta’ ħajja aħjar mifruda mill-ambjent. Nixtieq għalhekk, Malta li tħaddar u ma tħammiġx. Nemmen li l-iżvilupp jista’ jseħħ billi jintegra n-natura fih. Nemmen li madwar mejda jistgħu jinstabu soluzzjonijiet kreattivi meta nisimgħu lil kulħadd. Meta jipprova jinstab mod li jibbilanċja l-interessi, il-passjonijiet u finalment is-saħħa ta’ kulħadd. Dan jista’ jseħħ biss bid-djalogu. B’hekk ikun qed jitwettaq prinċipju ieħor li jemmen fih il-PN li nixtieq jien li iqis id-dinja bħala d-dar komuni tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Għaldaqstant jagħraf li l-aqwa mezz biex iseddaq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd hu li bi prijorità jħares u jippromwovi l-ambjent, ir-riżorsi naturali, il-beni komuni u l-ispazji pubbliċi. Il-partit iqis l-ambjent bħala parti essenzjali mill-wirt komuni tal-bniedem. F’dan kollu jagħti prijorità lit-tibdil fil-klima u dan jagħmlu b’kejl li jqis il-ġustizzja ambjentali u l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri.

Id-djalogu:  L-għodda li daħħal il-Partit Nazzjonalista

Id-djalogu huwa l-għodda politika li daħħal f’Malta l-Partit Nazzjonalista. Jien nixtieq tip ta’ djalogu li jaħdem b’sistema ta’ feedback. Ċirku virtwuż ta’ kommunikazzjoni. Fejn nisimgħu lil kulħadd minn ġewwa u minn barra tal-PN. Fejn id-diskussjoni tkun ħielsa u kostruttiva. Fejn il-konsultazzjoni tkun wiesa’ kemm jista’ jkun. Fejn kulħadd ikollu leħen, iż-żgħir u l-kbira, iż-żgħażagħ tagħna b’inizjattivi ġodda u friski, għax wara kollox il-ġejjieni huwa tagħhom. Għaliex flimkien iktar b’saħħitna milli mifrudin. Il-PN dejjem emmen fil-kooperazjoni u mhux fit-taqbid bejn il-klassijiet. U l-unika għodda effettiva biex jintlaħaq dan huwa d-djalogu.

Iż-żgħażagħ u l-Ewropa: 

Mhux qed ngħid li l-PN kien perfett, xejn minn dan, liema partit f’Malta jew fid-dinja huwa perfett? Liema bniedem huwa perfett? Ħadd mhu perfett u kulħadd jiżbalja. Madankollu, naħseb li l-importanti huwa li nibqgħu b’ħarsitna ffokata lejn il-ġid tan-nies sabiex nibnu soċjetà mibnija fuq l-imħabba Bernard Grech

Iż-żgħażagħ li kienu s-sinsla tal-partit fis-snin it-80ijiet, id-90ijiet. Iż-żgħażagħ li kienu protagonisti f’kull bidla politika, soċjali u ekonomika. Dik il-ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ li mmodernizzat pajjiżna. Iż-żgħażagħ li mbuttaw għall-indipendenza. Iż-żgħażagħ li qalu iva għall-Unjoni Ewropea u ssiġillaw il-ġid ta’ pajjiżna li rajna kemm kien utli diversi drabi fl-istorja tagħna, mhux inqas issa wara l-pandemija. Nemmen allura li l-Unjoni Ewropea hija komunità ta’ nazzjonijiet aħwa li jemmnu u jixtiequ s-solidarjetà u s-sussidjarjetà. Jemmnu allura f’li jgħinu lil xulxin fil-mument tal-bżonn u li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fil-livell l-iktar qrib in-nies. Jien nara lil Malta bħala nazzjon sovran li però fil-kumplessità tar-relazzjonijiet internazzjoni teżisti f’netwerk ta’ interdipendenza.

Nemmen u nixtieq li Malta għandha rwol importanti ferm x’taqdi f’dan in-netwerk kemm fl-Ewropa u kif fid-dinja. Pero l-iktar fil-Mediterran fejn jiltaqgħu u jitħalltu ċiviltajiet differenti.

Din taf tkun iċ-ċavetta li tgħina nibdew nidjalogaw ma’ kull parti kkonċernata sabiex jibda proċess ta’ soluzzjoni dejjiema għall-kwistjoni ferm importanti tal-immigrazzjoni lejn pajjiżna. Il-PN jemmen fis-sħiħ fir-rispett sħiħ għall-valur tal-ħajja umana, għad-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna umana u għall-jeddijiet tagħha fi fraternità ta’ bnedmin f’umanità waħda b’diversità ta’ kulturi, razez u twemmin.

Anki dawk li ma għandhom l-ebda twemmin politiku jew reliġjuż għandhom id-dritt li jgħidu tagħhom, u aħna bħala partit u allura bħala gvern alternattiv għandna l-obbligu li nisimgħu.

Dan iwassalni għall-importanza fis-soċjetà Maltija tal-għaqdiet nongovernattivi li jaħdmu bla waqfien u bla heda għalina lkoll. Mhux se nsemmi lil ebda waħda minnhom b’isimha, però jien nixtieq ngħix f’Malta fejn dawn l-organizzazzjonijiet jingħataw dejjem iktar għajnuna u riżorsi, u fejn inħarrġu dejjem iktar żgħażagħ li jagħżlu f’ħajjithom li jaħdmu għal dawn l-organizzazzjonijiet.

'Kemm tkun sabiħa li l-PN jikkolabora aktar mal-NGOs fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni'

F’moħħi ma’ dawn l-NGOs, għandi dawk l-organizzazzjonijiet ukoll tas-soċjetà ċivili. Li kienu strumentali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni li skont l-aħħar stħarriġ tibqa’ waħda mill-ikbar preokkupazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-PN f’dawn is-snin għamel il-parti tiegħu ukoll. Kemm tkun ħaġa sabiħa u kemm hija neċessarja li l-PN jikkollabora dejjem iktar ma’ dawn l-organizzazzjonijiet.

Hawnhekk jien nifhem ukoll li l-PN mhuwiex biss NGO u għandu responsabbilitajiet parlamentari u kostituzzjonali. Iżda minkejja dan jista’ permezz ta’ ħolqien ta’ moviment, ta’ forza, ta’ alleanza fuq livell nazzjonali jippromwovi dawk il-prinċipji u valuri ta’ governanza tajba u ta’ ġustizzja li dejjem emmen fihom bħalma dejjem jemmen fil-libertà, fid-demokrazija, fl-ekwità, fl-inklużjoni u fil-ġustizzja soċjali fi Stat fejn tirrenja s-Saltna tad-Dritt. Il-prinċipju hawnhekk huwa sempliċi jekk il-ġid li jiġi ġġenerat f’dan il-pajjiż jibda jmur b’mod illegali fi bwiet erbgħa min-nies jew minħabba rgħiba jew minħabba korruzzjoni, jew minħabba t-tnejn li huma, jkun ifisser li dan il-pajjiż ikun qed jiżvina, għaliex l-ekonomija tiegħu, li hija demmu, ma tkunx qed isostni lill-ġisem politiku iżda tkun qed tmur barra minnu.

Iva għall-profitt leġittimu u għax-xogħol li jiġġenera x-xogħol u l-kummerċ. Le għar-rgħiba u l-korruzzjoni. B’dan Malta terġa’ tikseb dik ir-reputazzjoni tajba li kellha fi żmien amministrazzjonijiet tal-PN preċedenti. Mhux qed ngħid li l-PN kien perfett, xejn minn dan, liema partit f’Malta jew fid-dinja huwa perfett? Liema bniedem huwa perfett? Ħadd mhu perfett u kulħadd jiżbalja. Madankollu, naħseb li l-importanti huwa li nibqgħu b’ħarsitna ffokata lejn il-ġid tan-nies sabiex nibnu soċjetà mibnija fuq l-imħabba. Dan li jiddistingwi lill-PN minn forzi politiċi oħra.

Dan huwa l-PN li nixtieq u nemmen li huwa dan it-tip ta’ PN li se jwassalna għal Malta li nixtieq nara għalina lkoll aħwa Maltin.

F’dawn l-aħħar ġimgħat u ġranet jiena tajt widen u għarbilt is-sejħa tal-pajjiż u tan-nies li jħobbu n-nazzjon tagħna u l-partit tagħna u wara li tkellimt mal-familja, wasalt għall-konklużjoni li għandi noffri lili nnifsi biex inservi fil-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Nemmen li bir-rieda, bl-għaqal u l-għajnuna ta’ kulħadd nistgħu nibdew it-triq biex dan it-twemmin u xewqat jibdew jieħdu tama ta’ realtà u dan għall-gid - tal-Maltin u l-Ghawdxin kollha, għal pajjiżna, għall-partit.

Għalhekk għadni kif issottomettejt it-talba biex nuri l-interess tiegħi, bħala kandidat prospettiv, fl-elezzjoni tal-Kap tal- Partit Nazzjonalista.

L-Avukat Bernard Grech
L-Avukat Bernard Grech

More in Politika