L-iskejjel tal-Ingliż jirrapportaw tnaqqis ta' madwar 90% fix-xogħol matul ix-xahar ta' Lulju

Ix-xogħol għall-iskejjel tat-TEFL għadu wieħed kajman ħafna bi studju tal-FELTOM juri illi f'Lulju se jkun iġġenerat 9.6% biss tas-soltu negozju f'industrija li ħalliet €137 miljun fil-kaxxa ta' Malta fl-2018 

L-indutrija tat-TEFL qed tiffaċċja żminijiet ta' sfida
L-indutrija tat-TEFL qed tiffaċċja żminijiet ta' sfida

Skont stħarriġ li sar mill-FELTOM, il-federazzjoni li tmexxi l-iskejjel tal-Ingliż f'pajjiżna fix-xahar ta' Lulju - sa nofsu - l-iskejjel kien qed jagħmlu 9% biss tax-xogħol illi kien ikollhom, matul dan ix-xahar, li normalment huwa sinonimu mat-turiżmu u li huwa xahar tajjeb ħafna għat-turiżmu edukattiv. 

James Perry Kap Eżekuttiv tal-FELTOM qal illi sal-aħħar tax-xahar huwa mistenni li l-industrija tkun iġġenerat 9.6% tax-xogħol kollu li normelment ikollha bħalissa. 

Perry jfakkar illi xi skejjel - mhux kollha - fetħu fl-1 ta' Lulju.  "Hemm uħud li ma felħux jiftħu b'numri hekk żgħar," spjega filwaqt li fakkar illi ħafna mill-bookings f'dan is-settur is-soltu jsiru minn aktar żmien qabel, xi ħaġa li ma setgħetx issir issa minħabba l-pandemija u l-inċertezzi li din ġabet fir-rigward tal-ivjaġġar b'mod ġenerali.
Hu qal lil din il-gazzetta illi l-futur immedjat mhux jidher daqstant tajjeb u li s-sitwazzjoni mhix daqstant pożittiva, bl-indikazzjonijiet ikunu li mhux ħafna nies se jkunu qegħdin isiefru fuq vaganzi reltati mat-tagħlim tal-Ingliż.

Huwa temm jgħid illi jidher li x-xogħol f'Awwissu se jiżdied marġinalment għal bejn 10% u 12% tax-xogħol li l-iskejjel kien ikollhom normalment f'dan iż-żmien tas-sena - bla dubju ħafna 'l bogħod mill-irkupru li ħafna f'din l-industrija qed jittamaw għalih.  

L-industrija tat-Tagħlim tal-Ingliż bħala Lingwa Barranija (TEFL) hija waħda mill-aktar li ntlaqtet ħażin mill-pandemija. 

F'kummenti mal-gazzetta ILLUM f'April - meta konna fl-aqwa tal-pandemija - Perry kien spjega kif l-iskejjel kellhom faxxex sħaħ ta' studenti, Taljani u Franċiżi illi f'daqqa waħda waqfu jiġu għax il-Gvern tagħhom ma baqax jibgħat studenti.  "Dawn ikkanċellaw l-akkomodazzjoni u l-lezzjonijiet li kellhom però l-iskejjel xorta riedu jħallsu għall-akkomodazjoni li kienu rriservaw," qal Perry. 

"Is-sitwazzjoni hija ħażina ħafna, minkejja dan ma keċċejnix ħaddiema."

L-attenzjoni intefgħet fuq l-iskejjel tal-Ingliż hekk kif l-Unjin tal-Għalliema Professjonali (UPE), fi ħdan il-UĦM qalet illi kienet lesta tieħu passi kontra l-iskejjel li ma jħallsux il-pagi lill-għalliema.  Skont il-UPE kien hemm diversi skejjel li ma kienux qed iħallsu l-pagi, fi żmien meta lanqas kien ċar dawn il-ħaddiema kinux se jieħdu t-€800 f'Wage Supplement.

Perry kien iċċara li fil-fatt kienu biss żewġ skejjel li ma setgħux iħallsu, biex imbagħad kien ukoll ikkonfermat illi l-ħaddiema f'dawn l-iskejjel kienu eliġibbli għall-Wage Supplement mill-Gvern. 

L-Industrija tat-TEFL f'Malta ...

Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika f'rapport dwar l-2018, matul din is-sena kienu ġew pajjiżna 87,112-il student, li huwa 13.5% iktar minn sentejn qabel, jiġifieri l-2016.  

Minn naħa l-oħra iżda n-numru ta' ġimgħat li dawn ġew pajjiżna niżel bi 11.9%.

B'kollox dan is-settur irrapreżenta 8.1% tal-iljieli totali li qattgħu f'pajjiżna t-turisti fl-2018 u 6.5% tan-nefqa.  In-nefqa fl-2018 iġġenerata minn dan is-settur kien ta' madwar €137 miljun. 

Jamews Perry, FELTOM
Jamews Perry, FELTOM

More in Politika