Żieda ta' 2,654 persuna tirreġistra f'Ġunju mqabbel mal-2019 imma tnaqqis ta' 139 minn Mejju

Il-qgħad jiżdied b'mod konsiderevoli meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra, imma l-Gvern jgħid li dan huwa suċċess għax huwa ħafna inqas mill-qgħad fl-2013 u waqt il-kriżi tal-2008

F'Ġunju n-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw kien ta' 4,270, jew żieda ta' ta' 2,654 persuna meta mqabbel mal-istess xahar fl-2019. B'kollox hemm żieda ta' 2,425 li jirreġistraw fl-ewwel parti tar-reġistru u 229 persuna fit-tieni parti.  Minkejja dan, huwa tnaqqis ta' 139 mix-xahar ta' Mejju.

Il-qgħad - skont dawn iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) -  żdied f'kull livelli ta' età u anke fost dawk li ilhom jirreġistraw bejn 21 u 52 ġimgħa kif ukoll fost dawk li ilhom jirreġistraw inqas 21 ġimgħa. Il-qgħad fost dawk b'diżabilità żdied b'48 meta mqabbel mal-istess xahar is-sena l-oħra u laħaq it-total ta' 262 persuna li qed tirresġistra. 

Il-qgħad skont l-età inqasam hekk:  Dawk ta' taħt l-20 sena, 190 persuna, dawk bejn l-20 u l-24, 482 persuna, bejn il-25 u d-29, 549 persuna, bejn it-30 u 44, 1,454 persuna u 45 jew aktar, 1,595.

Minn dawk li qed jirreġistraw maġġoranza relattiva jew 25.1% qed ifittxu impjieg ta' skrivana filkwaqt li 14.2%  qed ifittxu impjieg ta' technicians.  

Minkejja din iż-żieda qawwija fi stqarrija l-Gvern fakkar li fil-fatt hemm tnaqqis bejn Mejju u Ġunju u sostna li l-ammont ta’ persuni fuq ir-reġistru huwa ferm anqas mill-medja storika ta’ pajjiżna. "Fil-fatt f’Marzu 2013, qabel il-bidla fil-Gvern, kien hemm 7,350 persuna jirreġistraw, jew 72% aktar mil-livell preżenti. Fl-eqqel tal-kriżi ekonomika tal-2009 l-ammont ta’ nies ifittxu impjieg kien kważi mess it-8,000. L-ogħla ammont ta’ qgħad f’pajjiżna mindu dħalna fl-Unjoni Ewropea kien f’Settembru 2004, meta ċ-ċifra ta’ dawk ma jaħdmux kienet laħqet 8,197 persuna. Dan huwa kważi d-doppju tal-livell li kien hemm ix-xahar li għadda," qal il-Gvern.

More in Politika