‘Kull Malti jrid iqatta’ erba’ xhur u nofs f’lukanda biex nilħqu n-numri tal-2019’

Tliet ġimgħat wara li fetaħ l-ajruport, il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Tony Zahra mill-MHRA u ma’ Philip Fenech mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji dwar l-andament fis-setturi tat-turiżmu, l-ospitalità u d-divertiment...

“Kull Malti jrid joqgħod erba’ xhur u nofs f’lukanda biex inġibu dak li ksibna s-sena li għaddiet.” Hekk saħaq il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti, Tony Zahra, meta l-gazzetta ILLUM tkellmet miegħu dwar l-andament fil-lukandi issa li l-ajruport ilu kważi tliet ġimgħat minn meta reġa’ beda jilqa’ t-turisti

Zahra spjega kif il-bookings fil-lukandi u anke fi stabbilimenti oħra tal-akkomodazzjoni jiddependu fuq l-għadd ta’ seats fuq l-ajruplani li huma disponibbli fis-suq għal Malta.

“Jekk l-għadd ta’ seats disponibbli huwa ta’ 10, dak huwa l-massimu ta’ turisti li jistgħu jaslu Malta. Jistgħu jaslu inqas iżda mhux aktar,” insista Zahra.

Is-sena li għaddiet waslu Malta 2.8 miljun turist,1.5 miljun bejn Lulju u Diċembru. Kien hawn li meta mistoqsi dwar it-tbassir li għandhom għax-xhur li ġejjin, Tony Zahra spjega mal-ILLUM kif għal dan ix-xahar, meta wieħed iqabbel ma’ Lulju tas-sena li għaddiet, se jkun hemm disponibbli 27% tas-seats fuq l-ajruplani.

Għal Awwissu, dan mistenni jitla’ għal 43% biex f’Settembru u anke fix-xitwa se jkunu disponnibbli nofs is-seats li kienu disponibbli fl-istess xhur tas-sena li għaddiet.

“Kollox iħoll u jorbot kemm se nikkonvinċu nies biex jitilgħu fuq l-ajruplan u jiġu Malta,” insista Zahra.

Kien hawn li l-ILLUM staqsietu jekk l-awtoritajiet hux qed jagħmlu biżżejjed biex iħeġġu lil-linji tal-ajru, fost oħrajn, biex jirreklamaw lil Malta, mhux biss għall-attrazzjonijiet tagħha iżda anke bħala pajjiż sigur biex wieħed isiefer fih fid-dawl tal-COVID-19. 

Tony Zahra
Tony Zahra

Fi kliemu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, qed tagħmel ħafna aktar minn dak li kien isir qabel biex tirriklama lil Malta u tattira t-turisti.

Mistoqsi jekk it-turiżmu intern hux qed jiżdied u jekk dan hux qed jgħin il-lukandi, Zahra wieġeb fil-pożittiv u insista li l-lukandi qed jirrapportaw żieda sostanzjali fit-turiżmu intern. Madanakollu insista li dan xorta waħda mhux se jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ turisti, b’mod partikolari meta wieħed iżomm f’moħħu r-rekord ta’ wasliet tas-sena li għaddiet.

Kien hawn li Zahra saħaq li biex bit-turiżmu intern il-lukandi jiksbu n-numri tas-sena li għaddiet, kull Malti jrid iqatta’ erba’ xhur u nofs f’lukanda.

Ftit tax-xhur ilu, meta l-Gvern kien għadu qed itella’ u jniżżel jiftaħx l-ajruport, Zahra kien qal li jekk is-settur tat-turiżmu se jibqa’ magħluq, ħafna ħaddiema li jaħdmu fil-lukandi u fi stabbilimenti oħra turistiċi se jispiċċaw bla xogħol. Mistoqsi jekk għadux jaħsibha l-istess, Zahra saħaq li s-sitwazzjoni għadha waħda mhux faċli.

Fi kliemu, it-tbassir huwa li t-turiżmu se jibqa’ batut anke s-sena d-dieħla, fejn matul l-2021 mistennija jaslu 50% tat-turisti li ġew Malta s-sena li għaddiet. “Din hija r-realtà,” insista Zahra.

Kull turist jagħmel differenza ... ma jfissirx li ġew biżżejjed biex inkunu sostenibbli

Dwar l-andament fis-settur tal-ospitalità li jinkludi l-lukandi, ir-ristoranti, il-barijiet u postijiet oħra ta’ divertiment, l-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Philip Fenech mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji.

Fenech insista li anke jekk in-numri mhumiex bħal dawk tas-soltu, kull turist jgħodd. 

Huwa spjega kif f’ċikostanzi normali, fix-xahar jaslu medja ta’ 260,000 turist f’Malta. “Aħna bdejna minn xejn allura anke tara tliet turisti tieħu gost,” insista. Madanakollu saħaq ukoll li dan ma jfissirx li sa issa ġew biżżejjed turisti biex in-negozji fis-settur tat-turiżmu jkunu sostenibbli.

Mill-inidikazzjonijiet li għandu f’idu jirriżulta li bħalissa f’Malta hawn madwar 23,000 turist għax fi kliemu ma tistax tieħu l-għadd tal-persuni kollha li waslu f’Malta fl-aħħar jiem għax uħud minnhom ikunu ġew mhux bħala turisti iżda għax għandhom il-qraba f’Malta, għandhom it-tieni residenza f’pajjiżna u għan-negozju, fost raġunijiet oħra.

“Meta tħares lejn il-prodott tagħna, jiġifieri kemm normalment nattiraw turisti, għadna lura, imma, kif għidtlek, kull turist jagħmel differenza ... Qed niċċaqilqu iżda ħadd mhu qed jippretendi li jkollna n-numri tas-sena li għaddiet.

Kompla jisħaq li mill-indikazzjonijiet li għandu jirriżulta li Settembru se jkun l-aktar xahar b’saħħtu, kemm għax kull xahar wieħed jistenna li t-turiżmu jiżdied u anke minħabba tliet avvenimenti li fi kliemu mistennija jattiraw diversi turisti.

Apparti minn hekk, Fenech saħaq li fl-aħħar ġimgħat kien hawn żieda tajba ħafna fis-suq lokali. “Ħafna aktar Maltin qed joħorġu u qed jonfqu,” insista waqt li spjega kif l-istabbilimenti f’Għawdex, b’mod partikolari, qed igawdu ħafna mit-turiżmu intern.

Fenech jinsab ottimist ukoll li l-vouchers tal-Gvern se jkunu qed jagħmlu differenza sostanzjali. Kien hawn li faħħar inizjattivi li qed jieħdu diversi stabbilimenti, inkluż ristoranti u anke barijiet li qed joffru offerti fuq min juża għandu dawn l-istess vouchers. 

“Tinsiex li jekk il-voucher huwa ta’ €20, x’aktarx li l-klijent se jżid fuqu,” insista Fenech.

Anke jekk jeżisti dak li sejjaħlu “ottimiżmu kawt,” hemm xi ftit jew wisq ta’ ċpar fuq x’se jiġri f’Ottubru u wara, hekk kif għad hemm il-biża’ li l-virus huwa staġjonali u jerġa’ jgħolli rasu malli terġa’ tiżdied il-kesħa.

Għalhekk, fi kliemu, hemm min għadu qed jipposponi d-deċiżjoni dwar jekk hux se jsiefer għal wara Ottubru u għalhekk ftit li xejn wieħed jista’ jbassar jew jippjana fit-tul. “In-nies huma kawti. Mhux żminijiet faċli,” temm jgħid Fenech.

More in Politika