Il-piloti tal-Air Malta li baqgħu fl-impjieg jagħtu parti mill-paga tagħhom lil dawk li tkeċċew - ALPA

L-ALPA tfakkar li l-piloti li tkeċċew kienu ilhom mal-20 sena jagħtu servizz lill-Air Malta

Il-piloti tal-Air Malta li baqgħu fl-impjieg  - bħala att ta' solidarjetà - għaddew kontribuzzjoni finanzjarja lil dawk il-piloti li tkeċċew mill-impjieg minħabba tilwima mal-Gvern fuq il-kundizzjonijiet il-ġodda tagħhom, riżultat tal-Covid-19.  Il-pandemija tefgħet toqol qawwi fuq linji tal-ajru - b'diversi klijenti jitolbu flushom lura għal titjiriet li ġew ikkanċellati u b'bosta linji tal-ajru jwaqqfu s-servizz għal aktar minn xahar. 

L-Air Malta keċċiet 69 pilota wara talbiet li l-Gvern qies eseġerati ħafna fiż-żmien meta l-linja tal-ajru kienet taħt ħafna pressjoni. 

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-ALPA nnota dak li sejjaħ "sens b'saħħtu ta' solidarjetà tal-komunità tal-piloti" li wassal biex dawk li baqgħu fl-impjieg jgħaddu "parti sostanzjali" tas-salarju tagħhom lil dawk il-piloti li bħalissa jinsabu bla xogħol.  L-ALPA qalet li hi se tkun qed tipprovdi wkoll assistenza finanzjarja biex tassigura li l-membri tagħha jkollhom dħul biex ikunu jistgħu jgħixu. 

L-ALPA nnutat ukoll iżda, li l-Air Malta lanqas biss pprovdiet ġustifikazzjoni għaliex ma ħaditx il-miżuri neċessarji biex il-membri tagħha jirċievu l-Wage Supplement tal-Gvern. 

L-ALPA temmet tfakkar li dawk il-piloti li tħallew "għal rieħhom" kienu ilhom 20 sena jagħtu servizz lil-Linja Nazzjonali tal-Ajru.

More in Politika