'Wara lbieraħ qamu ħafna mistoqsijiet u neħtieġu tweġibiet malajr' - Repubblika

Repubblika staqsiet minn kien se jgawdi mis-suwiċidju ta' Theuma, jekk kienx hu li ddeċieda jew jekk kienx hemm minn ġiegħlu jagħmel dan

Tape tal-Pulizija dalgħodu quddiem ir-residenza ta' Melvin Theuma
Tape tal-Pulizija dalgħodu quddiem ir-residenza ta' Melvin Theuma

L-organizzzazzjoni Repubblika saħqet li l-allegat attentat ta’ suwiċidju li pprova jagħmel Melvin Theuma lbieraħ iqajjem diversi mistoqsijiet u jeħtieġ li għalihom ikun hemm tweġibiet malajr kemm jista’ jkun.

Fost oħrajn, Repubblika staqsiet x’sigurtà qed jingħataw l-imħallfin, l-avukati, il-pulizija u x-xhieda f’dan il-każ. 

“Ma għandhomx dawn ikunu intitolati għall-skorta mogħtija lil persuni importanti f’każijiet anti-mafja, meta wieħed iqis l-importanza nazzjonali ta’ dak li qed ikun żvelat?” staqsiet Repubblika.

Fakkret ukoll li dan il-każ seħħ ġurnata qabel kellhom jiġu ppubblikati fil-Qorti t-termini tal-Maħfra Presidenzjali u anke meta kien se jkun mistoqsi mid-Difiża dwar recording li jallega kif l-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, allegatament aċċetta €30,000 biex jimbotta ‘l quddiem maħfra għalih.

“Min kien se jgawdi mis-suwiċidju ta’ Melvin Theuma? Hu ddeċieda li jagħmel suwiċidju jew kien ippressat minn xi ħadd biex jagħmel dan?” staqsiet Repubblika?

Staqsiet ukoll jekk Theuma kellux xi forma ta’ tim psikjatriku biex jagħtih l-appoġġ psikoloġiku li jkollu bżonn u dan għax fil-Qorti mhux l-ewwel darba li rrakkonta kif kien imwerwer wara l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Repubblika tenniet l-appell tagħha biex ikun imwaqqaf tim investigattiv konġunt għax fi kliemha, dak li qed joħroġ, imur lilhinn mill-interess nazzjonali.

“Min se jagħtina t-tweġibiet? Il-Pulizija? Il-Prim Ministru? Ma ninsewx li l-persuni ewlenin suspettati b’korruzzjoni, bħal Keith Schembri u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, qatt ma għaddew minn taħt inkjesta sura u sal-lum għadhom jiġru ħielsa. Il-ġliefa għal-verità u l-ġustizzja se tibqa,” temmet tgħid l-istqarrija.

Ix-xhieda tiegħu ma tantx tefgħet f'dawl sabiħ lill-eks Kummissarju Lawrence Cutajar. Fil-Qorti Theuma kien xehed kif kien jaf li jinsab taħt investigazzjoni kemm dwar l-assassinju u anke dwar ħasil ta' flus permezz tal-ħabib tiegħu Edwin Brincat, magħruf bħala 'Il-Ġojja."

Brincat huwa ħabib komuni ta' Theuma u Cutajar. Brincat ukoll kien xehed li Cutajar kien staqsih jekk Melvin Theuma qattx semmielu xi ħaġa dwar il-famużi recordings.

Intant, il-ġimgħa li għaddiet, fil-Qorti qamet kwistjoni dwar recordings li qatt qabel ma kienu għadhom instemgħu fil-Qorti u li kienu dwar allegat tixħim li l-Kummissarju Cutajar irċieva mingħand Theuma biex jaħdimlu favur il-maħfra presidenzjali.

Theuma kien ċaħad li għadda €30,000 lill-eks Kummissarju għal dan il-għan. Dwar dan, Theuma kellu jkun mistoqsi llum mit-tim legali ta' Yorgen Fenech.

Skont id-difiża, dawn ir-recordings ġodda li se jkunu qed jinstemgħu fil-Qorti jikkontradixxu x-xhieda ta' Theuma.

Aqra wkoll:

More in Politika