'Ma bżajtx minn Joseph, Keith u Konrad u lanqas se nibża' minn Adrian Delia' - Thake

David Thake jgħid li l-kelma 'mostru' ma kinitx għal Delia iżda għall-kriminali li - skont hu - ħatfu lill-Partit Laburista u issa qed jippruvaw jaħtfu lill-Partit Nazzjonalista

Id-Deputat Nazzjonalista David Thake  - f'referenza għall-programm li fuqu kien Delia llejla - saħaq illi hu qatt ma għajjat lil Delia mostru imma b'mostru kien qed jirreferi għal dawk li jsejjaħ bħala kriminali li ħatfu lill-Partit Laburista u skont hu jridu jaħtfu lill-Partit Nazzjonalista wkoll. 

"Jiena ma bżajtx minn Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona, Yorgen Fenech, pulizija korrotta u l-bqija tal-kukkanja ta' kriminali u mafja li ħakmet il-pajjiż ... nassigura lil Delia li mhux se nibża', lanqas minnu."

Thake huwa wieħed minn dawk id-Deputati li vvutaw kontra Adrian Delia f'vot li ttieħed il-ġimgħa l-oħra u li sfiduċjawh mill-ġdid quddiem il-President tar-Repubblika.  Thake kien għamel l-antipatija tiegħu lejn Delia ċara meta rriżenja minn Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar. Minkejja dan huwa kien elett fil-Parlament din is-sena stess wara li Simon Busuttil, l-eks Kap tal-PN, irriżenja mill-Parlament Malti u beda jokkupa kariga fil-Partit Popolari Ewropew (PPE).

Taħt il-messaġġ ta' Thake xi attivisti nazzjonalisti bdew jisħqu illi huwa "ċar li Delia huwa appoġġjat mill-Labour jew li l-Labour jaqbillu illi jibqa' Delia", narrattiva li qed taqbad l-art fost dawk l-attivisti li ma jriduhx jibqa' Kap tal-partit. 

More in Politika