Delia jindika reshuffle fis-Shadow Cabinet ... imma ma jindikax li se jkeċċi lid-Deputati ribelli

Adrian Delia - lejlet laqgħa importanti tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista - jindika reshuffle fix-shadow cabinet iżda ma jindikax tkeċċijiet 

Adrian Delia indika li hu se juri nuqqas ta' fiduċja f'dawk li vvutaw u ħaduha kontrih.  "Meta l-aġir tiegħek huwa evidenti li biex tagħmel ħsara lill-partit ... mela allura d-deċiżjoni (jibqgħux jew le fil-PN) ħaduha," qal Delia illi sostna li huwa ilu tliet snin joħroġ l-id tal-ħbiberija.  "Jiena allura ngħid li kulħadd irid jerfa' r-responsabilitajiet tiegħu.  Dawn urew li m'għandhomx rispett lejn l-Istatut, lejn il-President tar-Repubblika, lejn il-partit u lejn it-tesserati."

Huwa qal, waqt li kien intervistat illejla fuq Realtà fuq l-istazzjon nazzjonali,  li min m'għandux fiduċja fih hu ma jistax ikollu fiduċja reċiproka lejh.  Delia iżda qal li se jħabbar bidliet fis-Shadow Ministries fiż-żmien li ġej, filwaqt li baqa' ma qalx jekk hux se jieħu passi dixxiplinarji oltrè minn hekk, fosthom tkeċċija tad-Deputati li ħaduha kontrih - xi ħaġa li jidher illi hemm pressjoni kbira biex issir fil-partit. 

Għada l-Partit Nazzjonalista mistenni jlaqqa' l-Eżekuttiv biex jiddeċiedi it-triq 'il quddiem għall-partit u għal dawk id-Deputati li vvotaw kontra Adrian Delia il-ġimgħa l-oħra u anke sfiduċjawh quddiem il-Preisdent tar-Repubblika. 

B'kollox 16-il Deputat sfiduċjawh - inkluż Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Chris Said, Therese Comidini Cachia, Beppe Fenech Adami, Mario De Marco, David Thake, Hermann Schiavone, Kristy Debono, Ivan Bartolo (9 Distrett), Ivan Bartolo (11 Distrett) , Claudette Bittigieg u Karl Gouder. 

Stephen Spiteri kien ivvota kontra Delia fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari l-ġimgħa l-oħra, imma astjena milli jisfiduċjah quddiem il-President George Vella.

Iż-żewġ MEPs Nazzjonalisti - David Casa u Roberta Metsola - ukoll sfiduċjaw lil Delia fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari. 

More in Politika