Muscat kien imwissi ma jmurx għal ksur ta' privileġġ biex ma jagħtix pjattaforma oħra lil Jason Azzopardi

Nies fil-Partit Laburista jikkonfermaw li Muscat kien se jitlaq minn Deputat biex jiffoka biss fuq xogħol privat...

Joseph Muscat kien lest biex iħalli x-xena politika, f'dawn il-jiem minħabba - primarjament - raġunijiet relatati l-aktar max-xogħol privat li qed jagħmel f'konsulenzi, iżda l-Ksur ta' Privileġġ tefa' kollox taħt it-tapit għalissa hekk kif fil-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi se jkun qed jisma' xhieda dwar l-allegazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li l-eks PM seta' kien jaf illi Daphne Caruana Galizia se tinqatel u allura - fl-2017 - sejjaħ elezzjoni ġenerali. 

Nies madwar Muscat u fil-Partit Laburista u li tkellmu mal-ILLUM saħqu illi huma qalulu li meta hu aċċetta li jiftaħ dan il-privileġġ parlamentari kien qed jagħti spazju u opportunità lil Azzopardi biex ikompli "jagħmel xalata" u jiggrava s-sitwazzjoni għal Muscat innifsu b'aktar xhieda li tista' titfa' aktar dellijiet fuq ir-reputazzjoni tiegħu. 

"Tefa' l-lixka u hu bellagħha, biex issa  - apparti l-Qorti - se jkollna pjattaforma oħra minn fejn Azzopardi jkompli jagħmel l-akkużi kontra Muscat.  Din il-mossa  - speċjalment hekk kif kien lest biex jidħol fid-dinja tax-xogħol privat - mhijiex tipika ta' Muscat," qalu dawk li tkellmu mal-ILLUM.  Huma qalu li Muscat seta' xorta tkellem u uża l-istess forza u talbu jirrepeti l-kliem barra l-Parlament lid-Deputat tal-PN u waqaf hemm.  Huma wrew il-konvinzjoni li Azzopardi ma kienx se jirrepeti l-istess allegazzjoni barra.

Is-sorsi mill-Partit Laburista qalu illi kien hemm min wissa kontra ksur ta' privileġġ, anke jekk Muscat għandu dritt jiddefendi lilu nnifsu. 

Persuni li tkellmu ma' din il-gazzetta u li jafu l-proċedura Parlamentari tajjeb qalu illi biex Muscat u l-Gvern jevitaw proċess ieħor li jista' jkompli jimbarazzahom - li jgħidu illi hija intenzjoni ta' Azzopardi  -  hemm 'żewġ possibilitajiet:  Jew Muscat iwaqqa' l-ksur ta' privileġġ, li hija probabbilità kbira li mhux se tiġri jew inkella li Muscat jibqa' għaddej bil-pjani tiegħu u jirriżenja. Minkejja li m'hemmx preċedent għal każ bħal dan, dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu illi jista' jkun li l-Ispeaker tal-Kamra  permezz ta' proċeduri jwaqqaf kollox, ladarba Muscat ma jkunx għadu Deputat. 

Muscat qed jistabilixxi lilu nnifsu f'xogħol ta' konsulenzi, b'uffiċċju għalih u allura negozju għalih.  Minħabba li hu kien Prim Ministru, spjegaw is-sorsi, hu ma jixtieqx li jibqa' Deputat, primarjament għax ma jixtieqx li l-konsulenzi privati li qed jagħmel jispiċċaw taħt skrutinju parlamentari u b'hekk ikun jista' jidħol f'karriera fil-privat, b'mod komplet.

X'ġara eżattament?

Fil-Parlament id-Deputat Jason Azzopardi qal  - dakinhar li rriżulta fil-Qorti li Yorgen Fenech kien jaf li kienet se tissejjaħ elezzjoni bikrija   - illi Joseph Muscat ma sejjaħx elezzjoni bikrija minħabba Egrant imma jew għax kien jaf li Daphne Caruana Galizia kienet se tikxef informazzjoni dwar il-proġett tal-Wind Farm fil-Montenegro jew inkella għax kien jaf li se tinqatel u allura, allega, ma kienx jaqbillu jistenna għal elezzjoni. 

Muscat qal li dan huwa l-agħar każ ta' ksur ta' privileġġ u kalunja kontrih li ma setax jaċċetta.  Azzopardi qal li mhu se jiritra l-ebda kliem u allura din l-allegazzjoni tinsab fi triqitha lejn il-Kumitat Parlamentari dwar il-Privileġġi. 

Azzopardi qal li hu se jsejjaħ diversi xhieda, fosthom indika li hemm xi ħadd li jinsab fil-Ħabs ta' Kordin, għal quddiem dan il-Kumitat. 

More in Politika