Il-Kummissarju għall-Istandards jikkonkludi l-investigazzjoni dwar l-inbid li Yorgen Fenech rregala lil Joseph Muscat

Fenech kien wieħed mill-mistiedna ta’ Muscat għal riċeviment li sar fi Frar tas-sena li għaddiet fil-Palazz tal-Girgenti

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda l-investigazzjoni tiegħu dwar ir-rigal ta’ żewġ fliexken inbid Petrus li Yorgen Fenech kien ta lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat waqt riċeviment fil-Girgenti.

Fenech kien wieħed mill-mistiedna ta’ Muscat għal dan ir-riċeviment li sar fi Frar tas-sena li għaddiet. L-inbid jiswa eluf ta’ ewro.

Apparti l-inbid, qabel din l-okkażjoni, l-istess Fenech kien ta żewġ arloġġi li wkoll jiswew eluf ta’ ewro lill-istess Joseph Muscat.

Kien il-Professur Arnold Cassola li kien talab lill-Kummissarju għall-Istandards biex jinvestiga dan il-każ.

Jidher li lbieraħ Cassola rċieva nota li l-investigazzjoni hija lesta u li l-Kummissarju bagħat ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għall-konsiderazzjoni.

Huwa f’idejn dan il-Kumitat biex jiddeċiedi jekk ir-rapport ikunx ippubblikat.

More in Politika