'Taħt Abela qed ikun miġġieled il-kankru tal-korruzzjoni għall-ewwel darba f'diċenji' - Scicluna

Martin Scicluna - opinjonista u li jmexxi t-Today Public Policy - bi kliem ta' tifħir għall-Prim Ministru.  Jgħid li wera' kuraġġ morali fid-deċiżjonijiet li ħa fl-aħħar ġimgħat

Martin Scicluna
Martin Scicluna

"Taħt it-tmexxija - f'qasir żmien - tal-Prim Ministru Robert Abela Malta esperjenzat trasformazzjoni, il-governanza għaddiet minn metamorfosi.  L-amministrazzjoni tiegħu hija differenti ħafna minn dik li ppreċedietu.  Għall-ewwel darba f'deċenji il-kankru tal-korruzzjoni qed jinqala' bla ħniena."

Hekk sostna Martin Scicluna, opinjonista u li jmexxi l-Istitut Today Public Policy f'artiklu ta' opinjoni ppubblikat illum f'The Times. 

Scicluna sostna illi minkejja dak kollu li ħiereġ fil-Qorti u minkejja li "l-korruzzjoni kienet mifruxa taħt Gvern Nazzjonalista u saret endemika taħt is-sitt snin tal-Gvern ta' Muscat"  qal ukoll li l-bidu tat-tmexxija ta' Abela kienet ferm pożittiva. Saħaq illi apparti l-mod kif kienet immaniġġjata l-pandemija "l-akbar kisba tat-tmexxija ta' Abela kien il-mod kif tratta l-korruzzjoni li wiret kif ukoll il-kuraġġ morali li wera'." 

"Il-fiduċja fil-Gvern qed tiġi rrestawrata," temm jgħid Martin Scicluna dwar il-PM Abela.

Scicluna iżda ma kellux l-istess kliem ta' tifħir għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat u qal li dak kollu li beda jiġi żvelat dwar il-Panama papers u l-ewwel informazzjoni dwar trust f'New Zealand ftit wara li kien elett Gvern Laburista, "kienu biss il-bidu ta' amministrazzjoni u governanza ħażina li pajjiżna qatt ma ra bħalha fil-passat korrott tagħha."

Huwa qal li l-inazzjoni ta' Muscat kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi imminat ir-reputazzjoni ta' Malta u imminat ukoll ħafna mix-xogħol li kien għamel fil-Gvern l-istess Muscat.

More in Politika