'Għalfejn ma sejjaħtulhomx lil Keith u Konrad?' - L-inkjesta pubblika tistaqsi lill-Ispettur Abdilla

Tkompli l-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - illum jixhed l-Ispettur Ian Abdilla li investiga 17 Black u Egrant

Hekk kif illum tela' jixhed quddiem l-inkjesta pubblika l-Kap tal-Unit tar-Reati Ekonomiċi Ian Abdilla, li allura kien ukoll responsabbli mill-investigazzjoni dwar 17 Black u Egrant, l-Imħallfin li qed imexxu din l-inkjesta staqsew għalfejn Abdilla ma interrogax lil Keith Schembri u Konrad Mizzi dwar il-Panama Papers u allura żewġ kumpaniji tagħhom fil-Panama. 

Waqt mistoqsijiet dwar il-Bank Pilatus - fejn Schembri kellu kont, kif kellu wkoll id-dittatur tal-Ażerbajġan, minn fejn il-Gvern intrabat li jixtri l-gass għal-Power Station - Abdilla qal illi l-bank ġie investigat b'mod assolut u minn fuq sa' isfel.  "L-FIAU investigat , permezz ukoll ta' investigaturi barranin, f'investigazzjoni li bħalha f'Malta qatt ma seħħet."

Huwa jgħid li saret investigazzjoni wkoll fuq il-famuża bagalja li deher ħiereġ biha Ali Sadr Hasheminejad fil-lejl illi Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat storja il fiha jingħad li Egrant Inc. kienet ta' Michelle Muscat.  Hu qal li nstab li Hasheminejad la daħal u lanqas ħareġ b'karti mill-bank. 

Huwa qal illi saru l-proċeduri kollha biex ikun aċċertat li l-ebda informazjoni ma tintilef, bl-avukat Therese Comodini Cachia tfakkar li din il-proċedura saret biss sena wara l-istorja dwar Egrant.  Comodini Cachia flimkien mal-avukati Jason Azzopardi u Eve Borg Costanzi qed jidhru f'isem il-familja Caruana Galizia. 

Kien hawn li mistoqsi jekk qattx bagħat għal Konrad Mizzi u Keith Schembri, Abdilla wieġeb fin-negattiv. 

L-Imħallfin hawnhekk staqsewh:   "Kif stajt ma tibgħatx għal Schembri u Mizzi?  Dawn mhumiex Ċikku l-poplu imma nies esposti politikament.  L-iskandlu tal-Panama Papers kien żvelat madwar id-dinja kollha, u int qed tgħidilna li ma bagħatx għalihom?  Ma tagħmilx sens.  Il-pulizija trid tinvestiga, għalhekk qiegħed hemm int."

Abdilla ma weġibx. 

Huwa qal illi minkejja rapporti fuq il-midja, ittri lill-awtoritajiet tad-Dubaj qatt ma ġew imwieġba u lmenta li fil-fatt l-awtoritajiet tad-Dubaj - fejn kienet miftuħa 17 Black fil-Bank Noor - qatt ma kkoperaw. 

L-avukat Jason Azzopardi staqsa dwar il-Montenegro u l-bejgħ ta' Windfarm minn Cidifex li għaddiet il-flus f'17 Black - €4.6 miljun hija l-allegazzjoni. 

More in Politika