'Ejja ma nitilfux dak li ksibna ... nilbsu l-maskri u l-visors' - Il-MAM tappella lejlet il-ftuħ tal-ajruport

Il--President tal-MAM, Martin Balzan irrikonoxxa li s-sitwazzjoni f'Malta hija taħt kontroll u tibqa' hekk jekk kulħadd jibqa' jirrispetta l-miżuri ta' prekawzjoni

Hekk kif l-Ajruport se jkun qed jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għada u hekk kif mil-lejla se jispiċċaw tista' tgħid il-miżuri kollha ta' restrizzjoni li daħlu fis-seħħ fl-aħħar ġimgħat, il-unjin tat-tobba (MAM) qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jibqa’ attent u jsegwi l-miżuri ta’ prekawzjoni li l-għan tagħhom huwa li jnaqqas it-tixrid tal-COVID-19.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-MAM, Martin Balzan saħaq li anke jekk il-ftuħ tal-ajruport huwa neċessarju għall-ekonomija, it-turisit jista’ jkun li se jżidu r-riskju għat-tixrid tal-virus.

Kien għalhekk li l-MAM qed tappella biex kulħadd jibqa’ jilbes il-maskri u l-visors u anke jibqgħu jsegwu l-prinċipju tal-iġjene billi jaħslu idejhom ta’ spiss fost oħrajn.

Anke jekk il-Gvern mhux se jibqa’ jinforza d-distanza soċjali, il-MAM appellat biex il-pubbliku jibqa’ jirrispetta din il-miżura.

“L-ajruport se jkun qed jiftaħ għada – aħna nafu li l-ekonomija tiddependi ħafna mit-turiżmu u ma naffordjawx għalhekk li nħalluh magħluq,” saħaq Balzan. 

Huwa rrikonoxxa li s-sitwazzjoni f’Malta hija tajba ħafna u l-virus qed jinżamm taħt kontroll. Kien hawn li rringrazzja lill-pubbliku li dejjem ikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa.

Irrikonoxxa wkoll kif minkejja l-biża’ li kien hawn, il-ftuħ tal-hairdressers u anke r-ristoranti ma żidux il-każi. Madanakollu insista li fil-każ tal-barijiet id-distanza soċjali mhux dejjem kienet qed tkun irrispettata.

Insista li sakemm jinstab vaċċin, il-virus se jibqa’ sfida għad-dinja u propju għalhekk li appella biex kulħadd jibqa’ jipproteġi lilu nnifsu u lil ta’ madwaru.

“Issa li se jkollna riskju ġdid, huwa importanti li ma nżidux riskju ieħor bl-imġieba tagħna,” insista Balzan. Fakkar li jekk jinstab imqar każ wieħed f’lukanda jew fi stabbiliment dan se jkollu jagħlaq temporanjament. "Dan ifisser nuqqas ta' negozju."

“Il-messaġġ tagħna huwa dan: Ejja ma nitilfux dak li ksibna fl-aħħar ġimgħar. Ejja nżidu l-attenzjoni tagħna,” temm jappella Balzan.

More in Politika