Analiżi | Is-suq isuq? Il-Ħaddiema, l-Istat u s-Suq Globali

L-appostli tas-suq.  Dawk li jippriedkaw in-neoliberaliżmu, li ma tantx togħġobhom l-emanċipazzjoni tal-ħaddiema u li fl-istorja idistabilizzaw lil kull min ma qarax mill-istess librett bħalhom.  Il-Professur Carmel Borg u Dr Joe Gravin, janalizzaw...

Sikwit nisimgħu bil-frażi ‘s-suq isuq’.  Dan il-kunċett, li joħroġ mill-vanġelu skont in-neoliberali, dawk li jemmnu li d-dinja teżisti biex taqdi lill-profitt mingħajr xkiel tal-istat,  jagħti l-impressjoni falza li s-suq idur fuq fusu u li s-suq huwa ekoloġija awtonoma jew indipendenti mill-istat.  Kemm il-kriżi ekonomika tal-2008, kif ukoll dik li għaddejjin minnha, urewna kemm l-intervent tal-istat huwa kruċjali biex is-suq ma jieqafx isuq.  Impressjonanti l-fatt kif l-appostli tas-suq ġrew b’kemm kellhom saħħa għand l-istat bit-tama li jifdihom mis-saram li l-pandemija daħħlithom fih.  Anke fejn kien magħruf li l-kumpaniji kellhom assi privati kbar li jiggarantixxu l-futur imbiegħed tagħhom, l-istess kumpaniji raw kif għamlu biex għasru l-lumija pubblika u daħħlu lill-ħaddiema f’dejn pubbliku li se jgħassarhom għal tul ta’ żmien, filwaqt li uħud mis-sidien komplew igawdu mill-ġenna fiskali li l-istat neoliberali jipprovdilhom.   

Sakemm l-istat ikanta mill-istess librett jista' jkun oligarkiku jew dittatorjali

Għas-suq, mhux importanti jekk l-istat huwiex demokratiku, oligarkiku, dittatorjali, abbużiv, anti-ambjentali jew korrott. Sakemm l-istat u s-suq qegħdin ikantaw mill-istess librett, sakemm it-tnejn qegħdin ikantaw l-istess għanja, ta’ soċjetà mibnija fuq il-profitt u t-tkabbir ekonomiku, il-feddejja internazzjonali li jiddeċiedu fejn jattakkaw u fejn iħallu l-paċi ssaltan, x’aktarx se jiggarantixxu l-protezzjoni meħtieġa biex l-istat ikompli jinnormalizza l-ideoloġija tal-profitt akkost ta’ kollox.  
Meta l-istat jazzarda jipperikola l-loġika tas-suq jew il-materja prima strateġika biex ir-rota tal-istess suq tkompli ddur, il-kustodji ideoloġiċi jaraw kif jipperswadu lill-istat eretiku, kemm bis-sewwa kif ukoll b’mezzi vjolenti, biex jibdel ir-rotta tiegħu.   Ħafna drabi, bl-iskuża li qegħdin jiddefendu ħelsien il-bniedem, pretest li jidher leġittimu f’għajnejn il-kotra globali, mexxejja, uħud minnhom imtellgħin demokratikament, għax refgħu rashom kontra s-suq, spiċċaw vittmi ta’ azzjonijiet orkestrati minn forzi interni li kapaċi jimmobilizzaw lill-massa.  Fejn ma waslux il-forzi ‘ċivili’ jew paramilitari, daħal il-militar.     

L-Amerka Latina :  Minn Allende għal Pinochet fiċ-Ċile

Hekk seħħ fiċ-Ċile fis-sebgħajnijiet.  It-tmexxija leġittima ta’ Salvador Allende tnawret bi skarsezzi foloz u azzjonijiet oħra li ħolqu nċertezza u dwejjaq fil-pajjiż.  Il-kolp vjolenti ta d-daqqa tal-mewt lil esperiment politiku li kellu l-għan li jinnazzjonalizza l-industriji ewlenin, jiftaħ l-edukazzjoni għal kulħadd u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għejxien tal-ħaddiema; aġenda ideoloġika li kienet skomda wisq għall-kustodji tas-suq.  Dak li seħħ wara l-kolp tal-1973 - id-dittatura ripressiva tal-Ġeneral Augusto Pinochet - filwaqt li ma kellu l-ebda legittimità demokratika, serva biex iċ-Ċile ssir laboratorju neoliberali, immexxi primarjament miċ-‘Chicago Boys’, l-istudenti ta’ Milton Friedman u Arnold Harberger, żewġ professuri bbażati fl-Università ta’ Chicago.  Ripressjoni li serviet lis-suq għal sbatax-il sena, mill-1973 sal-1990.
Ħafna mid-dittaturi fl-Amerka Latina tas-sittinijiet, sebgħajnijiet u tmeninijiet tas-seklu għoxrin kellhom l-appoġġ tal-burgeżija industrijali u agrarja u t-tberik tas-superpotenza Amerikana li qatt ma kienet se taċċetta li l-loġika tas-suq tkun mhedda fil-btieħi ġeografiċi tagħha. Sakemm il-ġunti militari fil-Brażil u l-Arġentina, biex insemmu żewġ eżempji ta’ dittatorjati fir-reġjun fi żminijiet imsemmija, servew il-burgeżija agrikola u industrijali, il-bażi tas-suq intern u fir-reġjun, il-pampaluni tal-libertà għalqu għajnejhom għall-ħniżrijiet li varjaw minn tfigħ ta’ nies mill-ajruplani għal torturi u perversitajiet bla ħniena.  

id-dittatura tal-Ġeneral Augusto Pinochet serviet biex iċ-Ċile ssir laboratorju neoliberali, immexxi primarjament miċ-‘Chicago Boys’
id-dittatura tal-Ġeneral Augusto Pinochet serviet biex iċ-Ċile ssir laboratorju neoliberali, immexxi primarjament miċ-‘Chicago Boys’

L-istess seħħ fl-Amerka Ċentrali fid-disgħinijiet.  It-theddida l-ħamra f’dan ir-reġjun waslet biex l-Istati Uniti timmonta offensiva kontra pajjiżi bħall-El Salvador u n-Nikaragwa, kollha b’popolazzjoni kbira ta’ bdiewa fqar dipendenti għal-loqma mis-sidien ta’ meded kbar ta’ artijiet agrikoli.  Kull ħjiel ta’ reżistenza għal-loġika tal-iskjavitù agrarja, li b’mod sistematiku faqqret miljuni ta’ campesinos fir-reġjun, kien biżżejjed biex tiġi ordnata kampanja ta’ tindif uman b’armi mpurtati u taħriġ militari mill-kapitali tal-libertà.  Eluf ta’ bdiewa u raħħala li attendew protesti jew priedki kontra l-inġustizzji, reliġjużi u lajċi li pubblikament iddenunzjaw il-ħniżrijiet u tkellmu fil-miftuħ favur l-emanċipazzjoni tal-bdiewa, u mexxejja reliġjużi li fehmu li r-reliġjon qiegħda hemm mhux biex timmansa l-merħla iżda biex tippreferi lill-fqir u tillibera lill-imjassrin, inqatlu b’mod brutali.  Għar-ripressjoni tas-sovverżjoni kontra l-loġika tas-suq, ma kien hemm ebda spazju sagru.  F’El Salvador, waslu biex qatlu lill-Isqof Romero fuq l-artal.   

L-‘Istat’ Nazzjonali Globalizzat

L-ideoloġija eġemonika tas-suq teħtieġ l-appoġġ kontinwu tal-politika  nazzjonali. F’kuntesti demokratiċi u mhumiex, l-apparat tal-istat, li jinkludi l-qasam edukattiv, huwa kruċjali biex jirriproduċi l-fidi fis-suq u biex jikkalma l- ħolm f’dinja li mhix kapitalista.  Barra t-trawwim tal-fidi fis-suq u fil-konsum li jġib miegħu, l-istat neoliberali, permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jipprovdi, għandu l-irwol utilitarju li jiżgura li l-ħaddiema tiegħu huma  flessibbli, multifunzjonali, diġitali u mobbli biżżejjed biex jibqgħu mpjegabbli f’suq li jinbidel. Edukazzjoni u taħriġ li jservu lis-suq, ftit li xejn jisħqu fuq l-għarfien storiku, il-ħsieb kritiku u l-attiviżmu soċjali.  L-edukazzjoni jeħtieġ tkun utilitarja, b’ċertifikati li jiggarantixxu l-livell funzjonali u d-disponibilità utlitarja tal-ħaddiema preżenti u futuri.  Taħriġ tekniku aktar milli formazzjoni umanistika li ssawwar lill-bniedem f’ħaddiem ħassieb, ħalliem u attivist.  Kif jistqarr Michel Foucault, filosofu, kritiku letterarju u teorista soċjali Franċiż  tas-seklu għoxrin, f’kuntest neoliberali, dak li tradizzjonalment kien soċjali jeħtieġ li jkun ekonomizzat.  

L-istat imxennaq biex jattira l-investiment irid jiggarantixxi l-paċi industrijali fil-pajjiż.  Bejn karrotti u loqom, l-istat jimla l-vojt imħolli min-nuqqas ta’ ġustizzja permanenti li tħallas lill-ħaddiema b’mod xieraq, tagħti s-serħan il-moħħ u tiggarantixxi li x-xogħol prekarju ma jkunx l-ordni tal-ġurnata.  

Waħda mir-rebħiet, għalkemm mhux totali, tal-istat neoliberali hija t-tmermir tal-moviment trejdjunjonistiku.  Prattiċi tax-xogħol, li jvarjaw minn xogħol temporanju, prekarju, kontrattwali u bi ftit ħarsien soċjali għal xogħol diġitali mid-dar servew biex qatgħu lill-ħaddiema minn kull possibilità ta’ solidarjetà u azzjoni komuni tas-suq huma allerġiċi għall-emanċipazzjoni tal-ħaddiema u jistennew li l-istat irażżan in-nefqa pubblika f’dan ir-rigward.  

Il-Ħaddiema Globalizzati
 

‘Fil-firda s-Saltna’, it-titlu ta’ artiklu ieħor tagħna fl-istess gazzetta ILLUM, wera kif l-istat, bi twemminu u azzjonitu, jifred ħaddiem minn ieħor billi, fost l-oħrajn, joħloq dik li tissejjaħ sistema ġuridika parallela, fl-istess spazju ġuridiku. F’dal-proċess, ħaddiema barranin jispiċċaw minn taħt. Saħansitra, il-ħaddiema-immigranti jsiru kriminali mingħajr ma serqu jew qatlu.  Il-prinċipju ta’ solidarjetà ma’ dawk li qegħdin ibatu jew jirrisjkaw ħajjithom, għax qed ifittxu ix-xogħol, sar att kriminali, ikkastigat b’multi u ħabs.    

Ir-rabta bejn politika u ekonomija privata tilħaq il-milja tagħha meta l-azzjoni ta’ initimidazzjoni tal-pulizija, li tinkludi rejds sporadiċi, tgħin lill-kuntratturi jidhru bħala salvaturi għax għandhom f’idejhom il-karta li biha l-ħaddiema immigranti jingħataw il-permess temporanju ta’ residenza u fl-istess nifs iħallsu anqas lill-ħaddiema barranin mbeżża’. Il-każ tal-Fortina, fejn numru kbir ta’ ħaddiema Torok ilhom ma jitħallsu x-xhur, mhux biss jikxef l-iskjavitù uman li fih jaħdmu miljuni ta’ ħaddiema madwar id-dinja, iżda jiżvela wkoll il-kompliċità tal-istat meta dawn il-ħaddiema jitħallew f’limbu ġuridiku.

Fil-ġurisdizzjoni nazzjonali, l-istat karċerarju ma jaġixxix waħdu fil-konfront tal-ħaddiema barranin ifittxu x-xogħol; għandu bżonn l-għajnuna ta’ parti mis-soċjeta` ċivili medjatika li tmexxi l-mibegħda u l-intimidazzjoni permezz tal-vokabularju vast ta’ identitajiet etniċi, razzjali, reliġjużi, eċċ. F’din il-kultura tal-fruntiera, anki l-ilsien jgħodd, eżempju l-għażla bejn ‘illegali’ u ‘irregolari’. Kwistjoni ta’ diskors dominanti, ikkulurit minn aġġettivi li jingħataw dawn il-ħaddiema (suwed, imsieken, ecc). 

Ir-retorika tad-diskriminazzjoni, imbierka mill-istat, kienet suċċess. Ikkonvinċiet lill-ħaddiema fil-Punent jeħduha kontra ħaddiema ‘regolari’ minn barra. Din wasslet sabiex il-prinċipju dwar il-mobbiltà ħielsa tal-persuni fl-Unjoni Ewropea, il-pilastru taż-Żona Schengen, sar dritt li japplika biss għal dawk b’passaport nazzjonali fl-Unjoni, u mhux għal dawk li huma ħaddiema barranin, legalment residenti f’wieħed mill-istati membri. In-numru ta’ dawn il-ħaddiema mhuwiex żgħir, u għalkemm jaħdmu bħal u forsi aktar minn ħaddieħor, mhumiex protetti l-istess. 

Konklużjoni

Il-prijorità tal-istat neoliberali hija l-libertà tal-moviment tal-materjal, tal-prodotti u tal-produzzjoni.  Dan jeħtieg isir bl-irħas mod possibbli, bl-anqas xkiel statali u ndustrijali u bl-akbar profitt.   Il-ħaddiema jibqgħu sekondarji f’din il-loġika. Sadattant, il-libertà tibqa’ relattiva sakemm il-ħaddiema ma jsibux il-ġustizzja u l-wens ta’ stat li jimpurtah mill-ħaddiema kollha. 

 

More in Politika