Imniedi servizz ta’ trasport ċirkolari b’xejn minn u lejn Wied iż-Żurrieq

B’dan is-servizz se tkun indirizzata l-problema ta’ parkeġġ f’Wied iż-Żurrieq, li ħafna drabi jaqta’ qalb dawk li jkunu jridu jmorru f’din il-ġawhra naturali fin-Nofsinhar ta’ Malta

Wied Iż-Żurrieq
Wied Iż-Żurrieq

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli nediet proġett pilota għal servizz ta’ trasport ċirkolari permezz ta’ żewġ karozzi tal-linja pprovduti mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu minn u lejn Wied iż-Żurrieq. 

Is-servizz li se jibda mill-4 ta' Lulju u se jkun iffinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’investiment ta’ €162,000. Dan is-servizz se jkun ipprovdut mingħajr ħlas għall-pubbliku.

B’dan is-servizz se tkun indirizzata l-problema ta’ parkeġġ f’Wied iż-Żurrieq, li ħafna drabi jaqta’ qalb dawk li jkunu jridu jmorru f’din il-ġawhra naturali fin-Nofsinhar ta’ Malta. Dan ġie kkonfermat minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika kummissjonat mill-Ministeru għat-Turiżmu li wera li kważi 60% ta' dawk li ġew intervistati sostnew li jsibu problema ta' parkeġġ meta jinżlu Wied iż-Żurrieq. 36% argumentaw li jitilqu lura kif ma jsibux fejn jipparkjaw. Kważi 50% urew ix-xewqa li lesti jużaw servizz ta' trasport mill-akwati tal-madwar minflok il-vettura tagħhom.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li kienet ix-xewqa ta’ ħafna li jkun hemm soluzzjoni għal din il-problema billi jiġi pprovdut servizz ta’ trasport ċirkulari li jdur mal-eqreb żewġt irħula għal Wied iż-Żurrieq filwaqt li jiġbor dawk li jipparkjaw fit-triq wiesgħa tal-eks Mitjar tal-Qrendi, li twassal għas-Siġġiewi.

“Wied iż-Żurrieq huwa post uniku u attrazzjoni turistika popolari li żviluppa minn villaġġ zgħir tas-sajjieda. Fl-2018, żaru dan il-post turistiku 475,000 turist. Dan minbarra l-eluf ta’ Maltin li jinżlu f’dan il-post. Apparti li nsibu attrazzjoni unika li hija l-Ħnejja (Blue Grotto), li tiġbed lejha eluf ta’ viżitaturi kull sena, nsibu wkoll numru ta’ nies li jinżlu għal attivitajiet oħra bħall-għawm u s-sajd kif ukoll dawk li jinżlu sabiex jieklu xi ikla ħut mill-ħafna ristoranti taż-żona. Iżda kellna sfida sostanzjali bil-parkeġġ u għaldaqstant dan is-servizz se jkun qed iservi biex jindirizza din l-isfida, filwaqt li nippromwovu wkoll mezzi ta’ trasport alternattiv,” sostniet il-Ministru Julia Farrugia Portelli.

Is-servizz privat ipprovdut b'xejn mill-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu b'vetturi tal-Malta Public Transport, se jkun qed jaħdem kif ġej:
Żewġ xarabanks immarkati Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq se jiġbru passiġġieri minn żewġ pjazez ewlenin: dik tal-Qrendi u ż-Żurrieq. Xarabank oħra se tiġbor passiġġieri minn San Niklaw/Il-Qasam qrib is-Siġġiewi, fejn inħolqu spazji ta’ parkeġġi għal min irid iħalli l-karozza hemm.

Dan is-servizz se jopera simultanjament permezz ta’ żewġ vetturi bl-għan li jiffaċilita l-prattikabilita’ u l-frekwenza ta’ dan is-servizz.
Is-servizz se jkun qed jingħata mill-Ħamis sal-Ħadd mill-10 ta’ filgħodu sa nofs il-lejl, bi frekwenza ta’ madwar 20 minuta.
Dan il-proġett ġie mfaħħar ukoll mis-sindku tal-Qrendi David Schembri u s-sindku taż-Żurrieq Rita Grima u l-kumplament tal-kunsilliera li kienu lkoll preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett pilota.

 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli

More in Politika