Neil Agius jidħol il-Balluta għall-ewforija wara għawma minn Sqallija li damet 28 siegħa

Agius huwa allura it-tieni persuna fl-istorja li għmel din l-għawma, għalkemm l-ewwel wieħed fl-1985 wasal sa Għawdex

Neil Agius waqt l-għawma minn Malta sa Sqallija
Neil Agius waqt l-għawma minn Malta sa Sqallija

L-għawwien Neil Agius issa sar  - uffiċjalment - it-tieni persuna fl-istorja li qatt għam bejn Malta u Sqallija, total ta' 100 km. 

Agius wasal il-Bajja tal-Balluta ftit wara id-9:15 a.m wara 28 siegħa u sitt minuti ta' għawm, li beda minn Punta Braccetto f'Ragusa.  Agius baqa' jgħum lejl u nhar. 

Hu kien irrapportat jgħid illi kienet esperjenza sabiħa, mimlija emozzjoni fuq is-sit timesofmalta.com, b'nies preżenti jċapċpulu u jifirħulu f'ewforija mistħoqqa għall-eks player tat-tim nazzjonali Malti fl-Olimpjadi.

"L-iktar diffiċli kien madwar it-3 a.m. għax ksaħt ħafna fil-baħar," qal Agius. 

Teknikament Agius huwa l-ewwel li qatt għamel din l-għawma, b'Nicky Farrugia jgħum bejn Għawdex u Sqallija fl-1985 f'30 siegħa u 17-il minuta.

More in Politika