Approvat l-istatut il-ġdid tal-PN; Elezzjoni għall-Kap jekk il-partit jitlef elezzjoni ġenerali

L-Istatut il-ġdid jintroduċi wkoll proċess ta’ ivverifikar mandatorju fuq il-kandidati li jitfgħu isimhom għall-Kap tal-Partit

Il-Partit Nazzjonalista introduċa proċess ta’ ivverifikar mandatorju fuq il-kandidati li jitfgħu isimhom għall-Kap tal-Partit u dan hekk kif ilbieraħ ġie approvat l-istatut il-ġdid tal-Partit.

Skont l-istatut il-ġdid, anke meta l-partit jitla’ fil-Gvern għandu jsir vot ta’ konferma fil-Kap tiegħu u anke tal-Viċi Kapijiet u jekk jitlef l-elezzjoni ġenerali minnufih jiskatta proċess biex tintagħżel tmexxija ġdida.

L-istatut issa jistabbilixxi wkoll li jekk jissejjaħ vot ta’ sfiduċja fil-Kap tal-Partit jew f’Viċi Kap fil-Kunsill Ġenerali, fi żmien tliet xhur tkun trid issir elezzjoni għall-Kap jew għall-Viċi Kap.

Dawn huma biss ftit mill-bidliet li ddaħħlu fis-seħħ fl-istatut il-ġdid li kien unanimament approvat waqt il-Kunsill Ġenerali li beda lbieraħ.

Dan temm il-proċess ta’ riforma li mexxa tul l-aħħar sena Louis Galea li l-għan tiegħu kien ukoll li joħloq riforma politika biex il-Partit Nazzjonalista jsir aktar relevanti.

L-istatut iwaqqaf ukoll kumitat tat-tmexxija li l-għan tiegħu se jkun li jimplimenta l-istrateġija politika tal-pajijż.

Dan il-kumitat huwa magħmul mill-Kap tal-Partit, il-Viċi Kap, il-President tal-Kunsill Ġenerali, is-Segretarju Ġenerali, is-Segretarju Eżekuttiv u żewġ presidenti għar-riċerka u d-djalogu soċjali.

L-istess statut ibiddel ukoll xi ftit jew wisq l-irwol tas-Segretarju Ġenerali biex issa dan jiffoka aktar fuq il-ħidma politika tal-Partit.

Il-Kunsill Ġenerali se jkollu wkoll l-irwol li jkun “il-gwardjan tal-governanza t-tajba fl-istrutturi kollha tal-partit.”

More in Politika