Għat-tieni darba f'xhur sondaġġ xjentifiku ieħor ipoġġi lil Grech bħala l-favorit biex imexxi lill-PN

Żewġ sondaġġi xjentifiċi - wieħed il-Ħadd li għadda u l-ieħor f'Diċembru li għadda - ipoġġu lil Bernard Grech fuq quddiem, anke fost partitarji Nazzjonalisti biex imexxi lill-Partit Nazzjonalista 

L-Avukat Bernard Grech
L-Avukat Bernard Grech

Nhar l-Ħadd li għadda kienu ppubblikati żewġ sondaġġi - wieħed mill-Kamra tal-Aħbarijiet tal-ILLUM - Mediatoday u ieħor fuq The Sunday Times.  Is-sit illum.com.mt jagħti ħarsa lejn il-popolarità tal-mexxejja politiċi bħalissa minn dawn is-sondaġġi u kif jikkumparaw ma' persuni oħrajn li kienu mejqusin jew għadhom meqjusin papabbli.  Għat-tieni darba, f'temp ta' sitt xhur - f'żewġ sondaġġi separati - l-avukat Bernard Grech joħroġ bħala l-favorit biex imexxi lill-Partit Nazzjonalista, bit-tieni post jilgħab bejn l-MEP Roberta Metsola u l-avukat Joe Giglio.

Bernard il-favorit u Metsola aktar popolari minn Delia 

Ħarsa mill-ġdid lejn is-sondaġġ ta;' The Sunday Times juri illi fost dawk li pparteċipaw l-avukat Bernard Grech huwa meqjus bħala l-favorit biex jieħu post Adrian Delia ladarba u jekk dan ma jibqax Kap tal-PN wara elezzjoni ġenerali li tista' seħħ fix-xhur li ġejjin.  B'14% Grech qiegħed fuq quddiem bħala l-favorit u jsegwih hemm l-avukat Joe Giglio b'11%, filwaqt li 7% iridu li jibqa' Delia.  Skont dan is-sondaġġ 9% jemmnu li Roberta Metsola tista' tkun l-aqwa Kap tal-partit.

Dan jaqbel xi ftit jew wisq mas-sondaġġ mill-Mediatoday dwar kandidati prospettivi għat-tmexxija tal-PN li sar f'Diċembru li għadda  Fil-fatt mistoqsijin lil min jafdaw biex imexxi lill-Partit Nazzjonalista, globalment, 15.1% qalu Bernard Grech, filwaqt li 12.9%  wieġbu li hija l-MEP Roberta Metsola. 

Minn dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017 jidher ċar illi Grech jinsab fuq quddiem b'33.3% jgħidu illi jafdaw fih bħala Kap suċċesur filwaqt li 22.6% lil Roberta Mestsola.  L-istess sondaġġ juri illi 23% ta' dawk li vvutaw PN fl-2017 jemmnu li Delia jibqa' Kap li jafdaw fih. Grech huwa l-aktar popolari fit-tramuntana tal-port  (21%) - li jinkludi lil Tas Sliema, San Ġiljan, Swieqi u Birkirkara, kif ukoll fil-Punent (26.6%) li jinkludi lir-Rabat, Siġġiewi, Ħ'Attard u Ħad Dingli.

Minn naħa l-oħra Metsola kellha l-aktar appoġġ f'Għawdex (27%) u fid-distrett tat-Tramuntana (18%), li jinkludi lill-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, il-Mosta u n-Naxxar.

20% aktar - globalment - jaħsbu li Fearne għandu kwalitajiet ta' tmexxija aħjar

B'mod ġenerali 69% jaħsbu li d-Deputat PM Chris Fearne għandu kwalitajiet tajbin ta' tmexxija - probabbilment imbuttat minn appoġġ Nazzjonalista wkoll għalih bħala Ministru tas-Saħħa, filwaqt li 20% inqas - jew 49% - jaħsbu li Abela għandu kwalitajiet tajbin ta' tmexxija.

Minn naħa l-oħra huma biss 16% li jħossu illi Delia għandu kwalitajiet tajbin ta' tmexxija.

Il-PM Abela
Il-PM Abela

Robert Abela jiġri b'Delia f'termini ta' fiduċja 

Skont is-sondaġġ ta' The Times - minn kampjun ta' 376 pesuna intervistata - 43% qalu illi jafdaw lil Robert Abela filwaqt li kienu biss 11% li qalu illi jafdaw lil Adrian Delia, differenza kbira ħafna ta' 32%.  Din id-differenza kbira fil-fuduċja hija fil-fatt riflesssa wkoll fis-sondaġġ ippubblikat fuq il-gazzetta Maltatoday li minn kampjun ta' 653 persuna - Abela għandu appoġġ u fiduċja minn 54.5% filwaqt li Delia għandu l-appoġġ u l-fiduċja ta' 17.8% biss, jew differenza ta'  36.7%. 

Jekk inħarsu aktar fil-fond lejn is-sondaġġ tal-gazzetta Maltatoday, insibu li s-sitwazzjoni għal Delia hija prekarja ħafna għaliex 10% ta' dawk li vvutaw lill-PN fl-2017 jafdaw aktar lil Delia, li f'termini numeriċi jfisser 13,500 vot minn 135,696 li fl-2017 ivvutaw lill-PN.  Apparti minn dan 49%  - prattikament in-nofs - ta' dawk li vvutaw lill-PN fl-2017 qalu illi la jafdaw lil Delia u lanqas lil Abela. 

Fil-Partit Laburista Robert Abela huwa fdat minn 93% ta' dawk li vvutaw lill-PL fl-2017 fil-waqt li l-maġġoranza ta' dawk is-7% huma nies li ma jafdaw lill-ebda mexxej politiku. 

Fost dawk li għandhom livell terzjarju ta' edukazzjoni Abela huwa l-inqas fdat - b'39.4%, imma xorta aktar fdat minn Delia li jikseb biss il-fiduċja ta' 10.5%.   F'Għawdex, fejn normalment il-partiti jilgħabu għall-maġġoranza fl-aħħar elezzjonijiet (għal ħafna snin kien distrett b'maġġoranza Nazzjonaolista) 62.4%jafdaw aktar lill-Mexxej Laburista  filwaqt li 13% biss qalu li jafdaw lill-Kap Nazzjonalista. 

Delia huwa l-aktar b'saħħtu f'termini ta' fiduċja fiż-żona tat-Tramuntana (San Pawl il-Baħar/Mellieħa...) fejn jiklseb fiduċja minoritarja ta' 21.3%.  Abela xorta jaqbeż lil Delia hawnhekk hekk kif jikseb fiduċja ta' 50.3%.

Il-kap tal-PN Adrian Delia
Il-kap tal-PN Adrian Delia

 

More in Politika