Analiżi | Il-midja tinsab fi kriżi finanzjarja u ta' fiduċja? In-nies tal-midja jitkellmu mal-ILLUM

Tgħajjir u ostilità, ġurnalisti mħallsin pagi baxxi u marġini żgħar ta' profitti jekk mhux djun.  Din hija r-realtà ta' ħafna mill-midja indipendenti f'pajjiżna bħalissa.  Andrew Azzopardi, Kurt Sansone, Fr Joe Borg u Chris Peregin jitkellmu ...

Il-Ġurnaliżmu huwa l-vejjikolu tal-informazzjoni, l-analiżi u t-twassil tal-verità kemm jista' jkun b'mod oġġettiv - biex dak li qed jaqra mhux biss ikun infurmat imma jkollu kuntest għall-informazzjoni li qed jingħata. Il-ġurnaliżmu jifforma diskussjoni u ħafna drabi jservi ta' kuxjenza fuq diversi temi politiċi, soċjali u morali. 

Jidher iżda illi illum qed jiffaċċja żewġ sfidi liema bħalhom - sfidi li jistgħu saħansira jheddu l-eżistenza ta' dan il-pilastru importanti f'demokrazija.  L-ewwel sfida hija l-fiduċja fiha li jdher illi dejjem nieżla u li qed tkun trażmessa f'ostilità lejn il-ġurnalisti, speċjalment dawk indipendenti. 

It-tieni sfida u l-akbar hija dik finanzjarja u marbuta magħha allura d-dipendendenza tal-midja - speċjalment dik stampata u virtwali - fuq riklamar tal-Gvern u l-pressjonijiet kollha li dan jista' jwassal għalih.

Allura l-midja tinsab fi kriżi jew le?  L-ILLUM staqsiet tliet mistoqsijiet lil preżentatur u Dekan fl-Università ta' Malta Andrew Azzopardi, il-fundatur u Kap Eżekuttiv tal-portal Lovin Malta Chris Peregin, Editur tas-sit maltatoday.com.mt u eks Editur tal-ILLUM Kurt Sansone u finalment iċ-Chairman tal-Grupp li jmexxi Newsbook u l-RTK Fr Joe Borg. 

Chris Pereġin  - Kap Eżekuttiv tal-portal Lovin Malta

1 - Kif tiddeskrivi l-istat tal-midja f'Malta bħalissa?  Tinsab aħjar milli kienet 20 sena ilu jew agħar?

Il-midja Maltija hija ħafna iktar diversa illum milli kienet 20 sena ilu. Naħseb l-internet għen ħafna għax ta opportunità għal newsrooms żgħar bhal Lovin Malta biex jiksbu suċċess mingħajr spiża kapitali kbira. Dan ifisser, ovvjament, iktar kompetizzjoni u sfidi ġodda, speċjalment għal dawk il-midja tradizzjonali. Pero, min-naħa l-oħra, il-kompetizzjoni qed tixpruna d-djar tal-midja biex jgħollu l-kwalita’ tal-ġurnaliżmu. Mil-lenti ġurnalistika, naħseb il-midja hija iktar qawwija u libera illum fil-kritika tagħha għax naħseb li fil-passat kien hemm ħafna awtoċensura probabli għax is-soċjetà kienet inqas libera. Jien ottimist ħafna għall-futur tal-midja Maltija u nara ħafna lok ta' titjib, specjalment jekk inkomplu nżidu l-livell ta' kwalità, l-libertà tal-ħsieb u l-kooperazzjoni bejn Kmamar tal-Aħbarijiet differenti.

2 - Jidher li hemm ostilità - lokali u internazzjonali - kontra l-midja u l-ħaddiema tagħha li qiegħda tikber.   Għalfejn taħseb li qed jiġri dan?  Tħoss li l-midja tilfet il-polz tan-nies?

L-ostilità naħseb li tiġi mil-fatt li l-midja għanda hafna poter u kullħadd irid illi dak il-poter jintuża favur il-ħsibijiet u l-interessi individwali tiegħu/tagħha. Il-midja ma tista qatt tkun biss riflessjoni tal-polz tan-nies, għax trid dejjem tisfida l-ħsieb popolari bil-veritajiet li mhumiex dejjem popolari. Hemm min juża dan il-punt biex jiggalvanizza lin-nies kontra l-midja għal skopijiet tiegħu b’messaġġ popolist, iżda l-midja trid tkun iġġudikata fuq il-ħidma fit-tul tagħha, it-tfittxija tagħha għall-verità u l-integrità li turi. Dan huwa dak li jippermetti t-tiġdid kostanti tiegħu. Filwaqt li l-ostilità kontra l-midja teżisti, naħseb li hemm ukoll tendenza minn midja lokali u internazzjonali li nenfasizzaw wisq fuq din l-ostilità u ninjoraw it-tibdiliet li qed nwettqu u n-nies li qed ngħinu permezz ta’ xogħolna. 

3 - Il-midja - speċjalment - dik stampata qed tiffaċċja pressjonijiet finanzjarji kbar, bid-dipendenza fuq ir-riklami tal-l-Gvern tiżdied.  Kif se ssib bilanċ bejn il-parzjalità, il-bżonn li tinvestiga u li tikkritika u dik l-id li fl-aħħar mill-aħħar qed titmagħha? 

Faċli. Jeħtieġ li jkun hemm mekkaniżmu ċar li bih ir-reklamar tal-Gvern jingħata b'mod ġust, b'mod li jibbenefika t-taxpayer iżda wkoll il-produtturi lokali tal-midja. Il-mekkaniżmu għandu jkun trasparenti sabiex in-nies jkunu jafu kif qed jintefqu flushom. Għandu jkun hemm restrizzjonijiet fuq ir-reklamar tal-Gvern fuq Facebook, Google u korpi internazzjonali oħra sabiex il-flus maltin imorru għal korporazzjonijiet li qed isaħħu d-demokrazija u mhux kumpaniji internazzjonali li m'għandhomx interess jagħmlu hekk. M'għandniex naraw ir-reklamar tal-Gvern bħala rigal mogħti minn dawk fil-poter imma bħala xi ħaġa li l-produtturi tal-midja f'Malta jakkwistaw b'mod ġust minħabba l-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw udjenza lokali b'saħħitha li fiha l-Gvern irid jirreklama d-diversi skemi tiegħu. Ikun tajjeb ukoll li l-partiti politiċi ma jibqgħux jikkompetu mal-midja, kif jagħmlu f’Malta.

 Fr Joe Borg - RTK/Newsbook

1 - Kif tiddeskrivi l-istat tal-midja f'Malta bħalissa?  Tinsab aħjar milli kienet 20 sena ilu jew agħar?

Jekk qed nitkellmu fuq il-midja ġurnalistika mod - ma ninsewx li llum x-xenarju tal-midja inbidel u llum hemm il-midja soċjali, li saret kemm sors għal dik tradizzjonali imma wkoll theddia. 

Fil-qasam tal-midja pluralista, b'mod ġenerali, kien hemm progress hekk kif illum hemm aktar ġurnalisti minn qabel li qed jisfidaw lill-poter. Għoxrin sena ilu kont issib l-aktar lill-ġurnalisti tal-partit, li aktar kienu jagħmlu propoganda u stejjer invesigattivi fuq il-partit oppost biss. 

Illum l-investigazzjoni saret parti mill-ġurnaliżmu b'mod ġenerali.

Jekk imbagħad tieħu l-qasam tat-TV għandek dominanza mill-aħbarijiet tat-TVM u l-bqija l-ONE u n-NET, bl-akkuża dejjem tkun illi l-PBS mhux investigattiv daqs kemm hemm bżonn u li huwa ċar illi l-linja editorjali tiegħu tirrepeti n-narrativa tal-Gvern, wieħed jew ieħor.

Minkejja kollox iżda - kemm l-isfidi ta' riżorsa u anke l-isfidi finanzjarji - kieku kelli nagħti marka lill-ġurnaliżmu Malti llum, nagħtih marka ogħla minn dak ta' 20 sena ilu. 

2 - Jidher li hemm ostilità - lokali u internazzjonali - kontra l-midja u l-ħaddiema tagħha li qiegħda tikber.   Għalfejn taħseb li qed jiġri dan?  Tħoss li l-midja tilfet il-polz tan-nies?

Jiena dejjem ngħid li t-test ta' ġurnalist tajjeb jew le, huwa li taqbad il-lista ta' nies kontrik qabel sirt ġurnalist u terġa taraha meta titlaq minn ġurnalist.  Jekk il-lista ma titwalx, mela mhux ġurnaliżmu kont qed tagħmel. U dan għaliex il-ġurnalist qiegħed hemm biex jgħaddi jew jikxef informazzjoni li xi ħadd ximkien ma jridx li toħroġ, għalhekk jingħad illi fi gwerra l-ewwel vittma hija l-verità u t-tieni vittma huwa d-dritt li l-poplu jkun jaf dik il-verità. 

Dawn l-attakki u l-ostilità mhux xi ħaġa ta' Malta biss pero.  Jekk tħares lejn Trump tara attakki bla waqfien fuq il-midja, jekk tara r-restrizzjonijiet fl-Ungerija kontra l-midja mill-Gvern ta' Orban jew fit-Turkija. Illum sar aktar perikoluż li tkun ġurnalist. 

Imma apparti restrizzjonijiet li jagħmel il-Gvern hemm ukoll ir-restrizzjonijiet li joħolqu n-nies meta jiċċaħdu mid-dritt tagħhom li jkollhom aċċess għal sorsi differenti ta' informazzjoni.  

Apparti minn dan, xi kultant jiġu attakkati ġurnalisti - nissuspetta li xi kultant ukoll b'mod ikkoordinat - meta jekk tara ħafna kummenti - ikun ċar li min qed jattakka lanqas biss qara l-istorja. 

3 - Il-midja - speċjalment - dik stampata qed tiffaċċja pressjonijiet finanzjarji kbar, bid-dipendenza fuq ir-riklami tal-l-Gvern tiżdied.  Kif se ssib bilanċ bejn il-parzjalità, il-bżonn li tinvestiga u li tikkritika u dik l-id li fl-aħħar mill-aħħar qed titmagħha? 

Huwa vera li r-riklamar qed imur aktar fuq il-midja soċjali, filwaqt li hemm problema ta' riżorsa - u allura Kamra tal-Aħbarijiet m'għandhiex il-possibilità u r-riżorsa li per eżempju, tħalli ġurnalist tliet ġimgħat jinvestiga fuq storja waħda.  U din hija problema li qed jiffaċċjaw Kmamar tal-Aħbarijiet barra minn Malta wkoll. 

Meta dan l-aħħar il-Gvern ta l-għajununa finanzjarja, aħna ħadnieha - ħa nkunu ċari. Naturalment u idealment aħjar ma teħodhiex.  Issa aħna ħadniha pero nippruvaw illi din ma tbiddel xejn u ma tinfluwenzax il-linja editorjali tagħna. 

Issa iva, jekk tistaqsini x'se tagħmel dik il-midja li 80% tad-dħul tagħha ġejja mill-Gvern u xi pressjoni se jkollha, jiena ngħid li vera se jkun hemm pressjoni.  L-ewwelnett iżda tilgħab id-determinazzjoni li ma jsirx kompromess bejn ir-riklamar u l-linja editorjali u biex dan isir irid ikun hemm sfroz kollettiv tal-Kmamar tal-Aħbarijiet kollha.  Il-Gvern ma jistax iwaqqaf ir-riklamar għax storja ma togħġbux.  Meta kont il-Ġens darba ġrat.  Ikkritikajna lill-Air Malta u sparixxew r-riklami kollha.

Jekk mhux se nżommu sodi flimkien dwar il-fatt li l-linja editorjali u l-kummerċ ma jitħalltux, jekk mhux se nirreżistu dan ma nibqgħux ġurnalisti imma nsiru prostituti.

Kurt Sansone - Online Editor MediaToday.com.mt u eks editur tal-ILLUM

1 - Kif tiddeskrivi l-istat tal-midja f'Malta bħalissa?  Tinsab aħjar milli kienet 20 sena ilu jew agħar?

Mil-lat finanzjarju m'hemmx dubju li l-midja kienet fi stat aħjar 20 sena ilu għall-fatt li l-mudelli kummerċjali kienu iktar ċari. Il-gazzetti, l-istazzjonijiet tat-TV u r-radju kienu jagħmlu flushom mill-bejgħ tar-riklami u fil-każ tal-gazzetti, xi ftit ukoll mill-bejgħ. Illum dan il-mudell ekonomiku tħarbat, partikolarment minħabba l-wasla tal-midja soċjali. Għandek udjenzi li qed iġibu l-aħbar tagħhom, jew isegwu l-affarijiet li jinteressawhom, b'xejn fuq l-internet, iżda l-pjattaformi online għadhom mhux jagħmlu l-istess dħul mir-riklami. Din toħloq sfida ta' dħul diċenti għall-midja li jista' jkollha wkoll riperkussjonijiet demokratiċi għax jonqsu r-riżorsi finanzjarji għal ġurnaliżmu effettiv. Filwaqt li l-midja soċjali ħolqot dinamika demokratika ġdida u bżonnjuża, fl-istess waqt tista' tkun ta' theddida għal ġurnaliżmu professjonali.

2 - Jidher li hemm ostilità - lokali u internazzjonali - kontra l-midja u l-ħaddiema tagħha li qiegħda tikber. Għalfejn taħseb li qed jiġri dan?  Tħoss li l-midja tilfet il-polz tan-nies?

Jekk inħares lejn ix-xena lokali, din is-sitwazzjoni mhix ġdida. Għal min ilu fis-settur jaf li l-ostilità u l-antipatija lejn il-midja u l-ħaddiema fi ħdanha, partikolarment il-ġurnalisti, tinħoloq u tmut skont il-kritika politika li tkun qed issir fil-mument. Tul il-karriera tiegħi kelli min jgħidli li jien Nazzjonalist meta ikkritikajt jew ktibt xi ħaġa li tpoġġi f'dawl xejn tajjeb lill-Partit Laburista, u min ittimbrani Laburist talli ikkritikajt lill-PN. Kultant dawn it-timbri sempliċi jieħdu sura iktar aggressiva. Dejjem emmint li ġurnalist għandu jkun lest li jirċievi l-kritika u f'ċirkostanzi hekk l-aħjar tweġiba tkun li tibqa' għaddej b'xogħlok basta tkun ġust u leali lejn il-fatti. Kultant nemmen li l-midja tilfet il-polz tan-nies però nħoss li dan hu riżultat tan-nies li jiffurmaw il-kmamar tal-aħbarijiet. Speċjalment fil-midja li tikteb bl-Ingliż hemm tendenza li l-ġurnalisti (mhux għax iridu) jiġu minn ċertu background soċjali u ekonomiku li mhux bilfors jirrifletti l-firxa kollha tas-soċjetà. U għalhekk issib antipatiji ingranati għall-festi, għall-kaċċa, għall-murtali, għal kulmin ilissen tħassib fuq l-immigrazzjoni. Hemm bżonn li ġurnalist joħroġ iktar miż-żona ta' komfort tiegħu. Dan ma jfissirx li ssir taqbel mal-kaċċa jekk int kontra, jew taqbel ma' min hu kontra l-immigranti, iżda li tifhem il-ħsibijiet, il-biżat u l-passjoni ta' dawn in-nies biex tkun tista' tirrifletti wkoll din in-naħa tal-munita filwaqt li żżomm mal-prinċipji ġurnalistiċi u editorjali tiegħek.

3 - Il-midja - speċjalment - dik stampata qed tiffaċċja pressjonijiet finanzjarji kbar, bid-dipendenza fuq ir-riklami tal-l-Gvern tiżdied.  Kif se ssib bilanċ bejn il-parzjalità, il-bżonn li tinvestiga u li tikkritika u dik l-id li fl-aħħar mill-aħħar qed titmagħha?

Ma nifhimx lill-paladini tad-demokrazija li jikkritikaw lill-midja tradizzjonali għax taċċetta reklami mill-gvern, donnu dan xi dnub mejjet. Fil-verità, jekk il-finanzjament tal-gvern f'forma ta' reklami ma eżistiex f'dan il-perjodu tal-COVID, il-gazzetti mietu u dan kien ikun l-ikbar disservizz għad-demokrazija. Jien ngħid li hu dmir tal-gvern, li f'mumenti bħal dawn juża l-finanzjament pubbliku biex jiżgura midja b'saħħitha. Dan ma jfissirx li l-midja m'għandix tfittex sorsi alternattivi ta' finanzjament. Importanti li ma jkollix il-bajd kollha f'qoffa waħda. Bl-ebda mod il-midja m'għandha tħossha mxekkla milli tinvestiga u tirrapporta dak kollu li hemm bżonn, anki jekk dan ifisser tigdem l-id li qed titmagħha, iżda dan jgħodd kemm għall-finanzjament li ġej mill-gvern, kif ukoll minn dak privat. Finalment, mingħajr flus ma jkunx hemm riżorsi biex timpjega ġurnalisti tajbin u żżommhom miegħek għat-tul.

Andrew Azzopardi -  Dekan fl-Università ta' Malta

1 - Kif tiddeskrivi l-istat tal-midja f'Malta bħalissa?  Tinsab aħjar milli kienet 20 sena ilu jew agħar?

Ifhem nahseb li hija midja aktar attrezzatha u aktar imħarrġa - b' nies aktar kwalifikati, ħafna aktar żgħażagħ jaħdmu fiha.  Naħseb li l-pluraliżmu għen ħafna għax ta aktar opportunitajiet.     

2 - Jidher li hemm ostilità - lokali u internazzjonali - kontra l-midja u l-ħaddiema tagħha li qiegħda tikber.   Għalfejn taħseb li qed jiġri dan?  Tħoss li l-midja tilfet il-polz tan-nies?

Le, il-midja ma tilfitx il-polz tan-nies u naħseb li l-antagoniżmu ġej mill-establishment, mill-poter, min-negozji u mill-'ħżiena' fis-socjeta' li ma jridux li toħroġ il-verità.  

3 - Il-midja - speċjalment - dik stampata qed tiffaċċja pressjonijiet finanzjarji kbar, bid-dipendenza fuq ir-riklami tal-l-Gvern tiżdied.  Kif se ssib bilanċ bejn il-parzjalità, il-bżonn li tinvestiga u li tikkritika u dik l-id li fl-aħħar mill-aħħar qed titmagħha?  

Irid ikun hemm il-kuraġġ - iridu jinstabu modi ġodda ta' ffinanzjar.  Diment li l-Gvern jibqa' dak li jitma' -  anke jekk ma tkunx l-intenzjoni -  l-effett se jinħass. Għalhekk importanti li jinstabu modi differenti ta' ffinanzjar fejn in-nies issir shareholder tal-midja.  Biex dan isir irid ikun hemm il-fiduċja tal-poplu li dak li qed jinkiteb u jiġi investigat huwa ġenwin u se jgħinhom u jipproteġihom. 

More in Politika