Pierre Portelli b'affidavit biex jiċħad dak li xehed Keith Schembri; Delia wkoll jiċħad mill-ġdid

Keith Schembri qal li Adrian Delia kien jibgħat lil Pierre Portelli biex jiġbor flus mingħand Yorgen Fenech biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta' David Casa

Pierre Portelli, l-eks Ċermen Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, ċaħad kategorikament dak li xehed Keith Schembri ftit tal-ħin ilu fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech. Aktar tard fi stqarrija reġa' ċaħad ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Keith Schembri kien qed jitkellem dwar kif, skont dak li kien jgħidlu Fenech, politiċi kienu jmorru spiss jieklu għandu meta saħaq li darba, il-Kap ta-Oppożizzjoni Adrian Delia mar talbu €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta' David Casa.

Schembri qal li Fenech kien qallu li Delia kien jibgħat lil Pierre Portelli biex jiġbor €20,000 kull xahar.

Keith Schembri qal li Portelli kien deher fir-reception ta' Portomaso qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019.

Pierre Portelli qal li l-gimgħa li għaddiet ħa affidavit biex jippreżentah lill-Pulizija jekk jitolbuh jagħmel dikjarazzjoni.

Anke Adrian Delia ppreżenta affidavit ġuramentat quddiem il-Qorti. Fil-fatt, Delia reġa' ħareġ stqarrija li fiha ċaħaf l-allegazzjonijiet kollha

"Mhux se nikkumenta aktar f’dan l-istadju għaliex b’ebda mod ma rrid nippreġudika proċeduri li għaddejjin fil-Qrati tagħna fejn l-iskop tagħhom hu li jinstab min kien wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, anżi nawgura li ħadd ma jitħalla li b’xi mod jiddevja l-attenzjoni mill-veru għan ta’ dawk il-proċeduri. F’dan is-sens ma nistax ma nfakkarx li l-istess Keith Schemrbi u n-nies madwaru huma implikat fl-istess assassinju, u għalhekk qiegħed jirrikori għal gideb sfaċċat anke waqt li jkun qed jixhed taħt ġurament," insista Delia. 

Temm jisħaq li qed jirriżerva d-drittijiet kollha li tagħtih il-liġi.

More in Politika