Jitneħħa l-ħlas fuq is-CVA, il-mużewijiet u trasport bil-baħar fi pjan biex titqajjem il-Belt Valletta

Jason Micallef jgħid illi l-Belt Valletta intlaqtet bil-goff mill-pandemija, għalhekk iħabbar pjan ta' tliet xhur li se jiswa €750,000

Il-Belt Valletta
Il-Belt Valletta

Jason Micallef, il-Kap tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta ħabbar dalgħodu pjan ekonomiku, soċjali u kulturali għall-Belt Valletta illi permezz tiegħu b'effett mill-1 ta' Lulju  u għat-tliet xhur tas-sajf, se jitneħħa l-ħlas biex tidhol il-Belt Valletta (CVA), se jitneħħa l-ħlas ta' permessi għall-siġġijiet u mwejjed barra, il-mużewijiet kollha se jinfetħu kuljum bla ħlas u jibqgħu miftuħin sa filgħaxija.  Mis-6:00 pm sa nofsilejl minn Tas Sliema u l-Belt kif ukoll mill-Kottonera għall-Belt, it-trasport bil-baħar se jkun bla ħlas, kuljum.

Micallef ħabbar illi bħala parti minn dan il-pjan, li se jiswa €750,000, se jsiru medja ta' tliet attivitajiet fil-ġimgħa, fosthom teatru tat-triq u l-Pageant of the Seas. 

Il-Belt Valletta - grazzi għall-organizzaturi tal-festi ta' San Pawl, San Duminku, l-Madonna tal-Karmnu u ta' Santu Wistin - se tkun qed tilbes libsa ta' festa matul dan il-perjodu b'armar ta' drapp filwaqt li baned Maltin u Beltin idoqqu fit-toroq. 

Micallef qal li dan qed isir għaliex il-Belt Valletta u l-ħajja ekonomika u soċjo-kulturali fil-kapitali Maltija "intlaqtet b'mod goff u bil-qawwi" mill-pandemija. 

Fil-fatt meta tkellmu mal-gazzetta ILLUM diversi sidien tal-ħwienet Beltin kienu qalu li s-sitwazzjoni hija waħda "tal-biża'". 

 

More in Politika