'Keith Schembri ċempilli inkwetat għax ma setax jaqbad lil Yorgen' - Johann Cremona

Skont Cremona, Keith Schembri kien ċempillu diversi drabi jistaqsih dwar Yorgen Fenech

Keith Schembri
Keith Schembri

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, bix-xhud illum huma Johann Cremona, sħab fin-negozju mal-istess Fenech, b'rabta mas-settur tal-gaming.

Ismu kien deher meta ġew żvelati l-Panama Papers b'rabta ma' tliet kumpaniji, lassic Gaming Company Ltd, The Betting Company Ltd and Best Play Gaming Ltd u indirizz f'Ħal Qormi.

Cremona jissemma ħafna fix-xhieda ta' Melvin Theuma, l-intermedjarju tal-qtil. Fost oħrajn, Theuma kien qal li Cremona, flimkien ma' "Kenneth minn Kastila" eks uffiċjal tas-sigurtà ma' Joseph Muscat, kien mar għandu fejn tkellmu dwar il-ħelsien mill-arrest tat-tliet persuni akkużati li poġġew il-bomba fil-karozza tal-ġurnalisti. 

Skont Theuma, Cremona kien wiegħdu wkoll li se jinfurmah dwar ir-rejd li l-Pulizija kellhom jagħmlu fuqu. Allegatament, kien l-istess Cremona li informa lil Theuma li se jkun l-Ispettur Raymond Aquilina li jmexxi l-investigazzjoni.

X'ħareġ mix-xhieda ma' Johann?

  • Kenneth Camilleri kien talbu jlaqqgħu ma' Melvin Theuma. Iltaqgħu b'kollox tliet darbiet
  • Theuma kien qallu li Camilleri kien wiegħdu l-ħelsien mill-arrest għall-aħwa Degiorgio. Camilleri qal l-oppost, jiġifieri li kien Theuma li talbu jirranġalhom u hu ma wiegħdu xejn
  • Theuma jgħidlu li Mario Degiorgio kien qallu li Chris Cardona u David Gatt huma involuti
  • Theuma jgħid lil Cremona li l-eks Kummissarju kien jagħti informazzjoni dwar l-investigazzjoni ta' ħasil tal-flus u anke li l-Europol kienet taf dwar ir-recordings.
  • Yorgen Fenech kien bagħat lil Cremona ritratt tal-canvasser ta' Chris Cardona u qallu li dan kien l-intermedjarju bejn Cardona u Alfred Degiorgio, il-Fulu
  • Keith Schembri ċempel diversi drabi lil Johann Cremona biex jistaqsih dwar Fenech għax ma setax jaqbdu
  • Johann Cremona jgħix li jaħseb li Melvin Theuma kien qed juża lil Yorgen Fenech għall-flus

Cremona mhux qed ikun investigat

Minkejja dak li ħareġ fil-Qorti fil-konfront tiegħu, Johann Cremona mhux qed ikun investigat.

Ikkonferma dan l-Ispettur Keith Arnaud.

Cremona beda jispjega r-relazzjoni tiegħu ma' Fenech u anke ma' Melvin Theuma hekk kif il-kumpanija tiegħu kienet tikri ħanut mingħand l-istess Theuma.

Johann jieħu lil Kenneth għand Melvin

Cremona spjega kif sema' dwar il-każ f'Ġunju tal-2018 meta Kenneth Camilleri, eks uffiċjal tas-sigurtà ma' Joseph Muscat, kien kellmu u talbu jlaqqgħu ma' Melvin Theuma.

Mistoqsi għaliex, Cremona qal li ma kellux idea. Fi kliemu, meta kienu għand Melvin Theuma, kien ċempillu missieru u resaq fil-ġenb ikellmu sakemm Camilleri tkellem ma' Melvin Theuma.

Kenneth Camilleri
Kenneth Camilleri

Telefonata ta' għaxar minuti

Kompla jgħid kif sakemm kienu għand Melvin, Camilleri resaq fil-ġenb biex iċempel.

Għamel madwar għaxar minuti fuq it-telephone, imma ma jafx lil min ċempel.

Mistoqsi mill-Ispettur Arnaud, Cremona qal li qabel dik il-ġurnata, Kenneth Camilleri kien ilu ħafna ma jkellmu. 

'Irranġalhom għall-ħelsien mill-arrest'

Cremona kompla jixhed li Camilleri reġa' mar il-ħanit tiegħu l-għada u ftit wara mar għandu Theuma wkoll.

"Ersaqt fil-ġenb u ħallejthom jitkellmu. F'ħin minnhom smajthom jidgħu u telqu," qal Cremona.

L-għada, Theuma ċempillu biex jgħidlu li xtaq ikellem lil Camilleri u rranġalhom biex jiltaqgħu.

Qal li sema lil Theuma jgħid lil Camilleri: "irranġalhom għall-ħelsien mill-arrest."

Cremona jifhem..

Cremona qal li hawn kien staqsa lil Theuma x'inhu jiġri u Theuma qallu li Camilleri kien wiegħdu li jirranġa biex l-aħwa Degiorgio jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Ix-xhud saħaq li hawn fehem x'qed jiġri.

Jidher li Cremona staqsa lil Camilleri iżda dan kien qallu li mhux hu wiegħed il-ħelsien mill-arrest lill-aħwa, iżda kien Theuma li talbu jirranġalhom.

'Keith u Yorgen tradewni'

Theuma reġa' mar għand Cremona jumejn wara din il-laqgħa u qallu: "Keith Schembri tradini ... Keith u Yorgen tradewni."

Spjega kif Theuma kien qed immurlu kuljum l-uffiċċju. "Dejjem l-istess storja."

Darba minnhom, qallu li Mario Degiorgio (ħu l-akkużati) qallu li Chris Cardona u David Gatt huwa involuti fil-qtil.

NB: Gatt huwa eks spettur tal-Pulizija u Avukat li kien jaqsam uffiċċju ma' Chris Cardona.

Kompla jixhed li kien qed jiddejjaq b'Theuma. Fi kliemu, kien imurlu l-uffiċċju, dejjem imdejjaq.

Skont Cremona, Theuma kien jgħidlu li Yorgen Fenech u Keith Schembri ordnawlu jaqtol lil Daphne iżda kien qallu wkoll li hu qatt ma tkellem ma' Keith Schembri.

Lawrence Cutajar
Lawrence Cutajar

Rabta ma' Lawrence Cutajar

Cremona qal ukoll li Theuma kien jgħidlu li kellu kuntatt mal-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar u li l-istess Cutajar kien javżah minn qabel dwar il-każ tiegħu tal-ħasil tal-flus.

Aktar tard tul ix-xhieda, Cutajar qal li, skont Theuma, l-eks Kummissarju kien jinfurmah b'kollox, fosthom kif il-Europol kienu jafu bir-recordings.

"Melvin qalli li kien semma r-recordings lil Cutajar qabel l-arrest," kompla jixhed Cremona.

NB. Fis-seduti li għaddew, Theuma kien semma' lil ċertu Edwin Brincat, magħruf bħala l-Ġojja bħala ħabib komuni bejn Theuma u Cutajar.

Imur iqerr

Il-Qorti staqsiet lil Cremona jekk qattx tkellem ma' xi ħadd dwar dan kollu.

Qal li darba mar iqerr għand saċerdot. Saħaq li tkellem ma' Fenech dwar il-każ meta din ħarġet fil-midja, ovvjament qabel l-arrest.

Fi kliemu, Fenech ċaħad kull involviment.

Theuma mwissi dwar ir-rejd

Hawnhekk Cremona ċaħad dak li xehed Theuma li kien hu li informah dwar ir-rejd li kellha tagħmel il-Pulizija.

Qal kif fil-11 ta' Novembru tal-2019, Theuma mar għandu l-ħanut u qallu li xi ħadd ċempillu kmieni filgħodu biex jinfurmah dwar ir-rejd.

"Probabbilment, it-telefonata ma kinitx mingħand Yorgen għax mhux normali jċempel kmieni," saħaq Cremona.

Kompla jispjega kif sakemm kien għandu, Theuma rċieva telefonata oħra. Xi ħadd infurmah li r-rejd kellu jsir is-Sibt ta' wara.

'Yorgen bgħatli ritratt tal-Biglee'

Cremona qal ukoll li darba Theuma kien bgħatlu ritratt tal-Biglee (canvassar ta' Chris Cardona u li ssemma minn Theuma bħala l-intermedjatju bejn Cardona u l-aħwa Degiorgio.)

Kien hawn li l-Maġistrat waqqfet lil Cremona għax qabel qal li qatt ma tkellem ma' Fenech dwar il-każ.

Huwa wieġen li dak iż-żmien kien hemm artikli dwar Cardona fuq il-midja.

'Yorgen bgħatli ritratt u qalli: 'dan huwa l-intermedjatju bejn Chris Cardona u l-Fulu.'

'Ivvintajt l-istejjer biex iħallini kwiet'

Waqt li kompla jixhed dwar kif Melvin Theuma kien kontinwament jiġri warajh u jċempillu anke meta jkun mal-familja, Cremona saħaq li kien jivvinta l-istejjer biex jikkalmah u anke jħallih bil-kwiet.

"Meta Melvin kien qed jissikkani biex inkellem lil Kenneth Camilleri minħabba r-rejds, jiena ma tkellimt ma' ħadd. Minflok ivvintajt l-istorja li l-Pulizija kienu se jfittxu fil-garazz li kellu l-Marsa. Ivvintajt biex iħallini kwiet," insista.

Il-Pulizija ġieli interrogat lil Cremona?

Anke jekk ma jinsabx taħt investigazzjoni, Johann Cremona kkonferma li l-Pulizija kellmuh tliet darbiet f'Novembru tal-2019.

Qal li l-Ispettur Keith Arnaud kien preżenti għat-tliet interrogazzjonijet. F'waħda minnhom kien preżenti wkoll il-Kummissarju Lawrence Cutajar.

Cardona u Gatt kellhom iħejju €400,000

Mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi dwar dak li Theuma kie jgħidlu fuq Chris Cardona u David Gatt, Cremona qal li dan darba qallu li ż-żewġ persuni kellhom iħejju €400,000 qabel il-ġuri.

Theuma qallu diversi drabi li l-aħwa Degiorgio talbu għall-ħelsien mill-arrest u li kien lest jieħu lil Mario Degiorgio (ħuhom) għand Keith Schembri.

"Melvin kien imur ħafna għand Mario. Darba, David Gatt, allegatament qal lil Matio li joqtolhom (lil Degiorgio) jekk mhux se jħallu lil Cardona kwiet," kompla jixhed.

Azzopardi kompla jistaqsi u staqsa lil Cremona jispjega jekk Theuma qallux li Yorgen Fenech ingħatax informazzjoni dwar l-investigazzjoni.

"Iva," qal Cremona. "Qalli li Yorgen Fenech qallu li qed iġib l-informazzjoni mingħand Keith Schembri."

Theuma ġieli ltaqa' personalment mal-eks Kummissarju?

Jason Azzopardi jistaqsi wkoll jekk Theuma qallux fejn iltaqa' mal-eks Kummissarju.

"Le," wieġeb ix-xhud. "Kien jgħidli li kien jagħmel kuntatt direttament ma' Cutajar jew inkella permezz tal-Ġojja, Edwin Brincat."

Schembri jċempel jistaqsi dwar Yorgen

Waqt li kompla jwieġeb aktar mistoqsijiet, Cremona saħaq li kien irċieva telefonata mingħand Keith Schembri, madwar Settembru tal-2019, biex jistaqsih dwar Yorgen Fenech.

Skont Cremona, din kienet l-ewwel darba li t-tnejn li huma tkellmu.

'Keith Schmebri kien jidher inkwetat dwar Yorgen Fenech. Ma setax jaqbdu u talabni ngħaddilu messaġġ," saħaq Cremona. Qallu biex jgħid lil Fenech li xtaq ikellmu.

"Irrispondejtu li lanqas jiena ma stajt naqbdu," saħaq Cremona.

Mistoqsi minn Azzopardi dwar din it-telefonata, Cremona qal li Schembri kien stiednu jmur kastilja u qalli li kien inkwetat dwar Yorgen Fenech għad għaddej minn żmien diffiċli.

Skont Cremona, wara dakinhar, Schembri kien ċempillu diversi drabi biex jgħidlu li ma setax jaqbad lil Fenech.

'Naħseb Melvin kien qed juża lil Yorgen għal Flus'

Waqt li kompla jixhed, Cremona qal li jaħseb li Melvin Theuma kien qed juża lil Yorgen għall-flus.

Insista li Theuma kien kważi kważi piż fuqu u ma setax jeħles minnu. "Kien jiġi għandi kuljum bejn it-18 ta' Ġunju u d-19 ta' Ottubru," kompla jgħid.

Cremona qal li jiftakar jgħid lill-Ispettur Arnaud, waqt l-ewwel interrogazzjoni, li "żgur ma kienx Yorgen Fenech."

"Melvin qalli li Yorgen qallu li biex iwaqqaf kollox iżda Melvin ma riedx li jmur lura minn kelmtu mal-aħwa Degiorgio. Kien qed jibża' li se jitlef il-flus u li se jduru għalih," saħaq Cremona. "Jiena naħseb li Melvin kien qed juża lil Yorgen għal flus."

Mistoqsi mid-difiża, Cremona tkellem dwar il-problemi li kellu Theuma bil-flus u kif kien involut fil-logħob illegali u fil-ħasil tal-flus.

"Theuma kif jgħidli li hu qatt ma jmur il-ħabs għall-ħasil tal-flus. Kien jgħidli: 'jekk jaqbduni nikxef kollox.'"

More in Politika