Aħna ftaħna, imma huma fetħulna? Ħarsa lejn ajruporti li fetħulna l-bieb, li bexxquh jew li ħallewh magħluq

Malta ħabbret li se tiftaħ ir-rotot għal 19-il pajjiż.  Imma ħarsa lejhom turi li mhux kulħadd għadu fetaħ għal Malta jew ħabbar pjanijiet biex jiftaħ għalina.  L-ILLUM tagħti ħarsa

Din il-ġimgħa tħabbar illi fl-1 ta' Lulju se jinfetaħ l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta għal 19-il destinazzjoni, msejħin kurituri siguri jew 'travel bubbles'.  Naturalment din l-aħbar, fissret illi numru ta' turisti se jkunu jistgħu jidħlu Malta, pero suppost tfisser ukoll li Maltin jitilqu minn pajjiżna għal wieħed minn dawn id-19 il destinazzjoni.

Minkejja li nafu illi turist se jiġi hawn u mhux se jkollu bżonn jagħmel test jekk jiġi minn dawn id-destinazzjonijiet, x'jiġri meta Malti jmur f'wieħed minn dawn il-pajjiżi baqa' ma ġiex spjegat jew baqa' ma kienx ċar.  

Għalhekk il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa qasira lejn ħafna mill-pajjiżi li Malta se tiftaħ għalihom u x'jiġri malli tasal l-ajruport. 

NB - Dawn il-fatti huma rilevanti għalissa u fil-mument li qed jiġi ppubblikat dan l-artiklu.  Jista' jkun li uħud minn dawn il-pajjiżi jbiddlu l-miżuri, hawn imsemmija. Apparti minn hekk il-kejl ta' bosta pajjiżi msemmija hawn sar jew jinkludi fih il-ġimagħtejn illi matulhom Malta kienet reġgħet qed tara żieda fil-każi għal madwar, 10 jew 15-il każ ġdid kuljum.

L-Iżlanda:  L-Iżlanda qed tippjana li tagħmel test fuq kull passiġġier li jidħol fil-pajjiż, anke jekk Bloomberg irrappurtat din il-ġimgħa illi dan il-pjan jista' jfalli minħabba nuqqas ta' riżorsa.

L-Iżlanda, li wkoll tiddependi ħafna mit-turiżmu (9% tal-GDP u 35% tad-dħul) qalet illi se tagħmel 1,000 test kuljum bi prezz ta' $365 dollaru fl-Ajrupot Keflavic - jiġifieri lesti r-Revolut -  u min jinstab pożittiv ikollu joqgħod gimagħtejn kwarantina. 

L-Awstrija:  Dawk kollha li se jmorru Vjenna jistgħu ma joqgħodux fi kwarantina jekk jieħdu swab li tiswiehom €190 bir-riżultat jasal għand in-nies madwar tlieta jew erba' sigħat wara.

Bħalissa, skont ir-regoli kurrenti, passiġġiera f'dan l-ajruport iridu jgħaddu minn test li jieħu t-temperatura tal-ġisem, filwaqt li jippreżentaw ċertifikat li ma jistax ikun ilu li sar iktar minn erbat ijiem u li juri illi huma negattivi għall-Covid-19.  Jekk mhux hekk, dritt fi kwarantina. 

Cipru:  Jekk beħsiebek tmur Ċipru m'għandekx xi wisq problemi għaliex Malta hija f'Kategorija A - u allura kull Malti jista' jidħol mingħajr ma juri ċertifikati ta' saħħa, kif kien jiġri qabel. 

Il-pajjiżi ta' Kategrorija A huma:  Il-Greċja, Malta, il-Bulgarija, in-Norveġja, l-Awstrija, Slovenja, l-Ungerija, l-Iżrael, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Islovakkja u l-Litwanja. 

Fil-każ ta' kategorija B, in-nies minn dawn il-pajjiżi jridu juru ċertifikat malli jaslu.

Litwanja: Aħna ftaħna għall-Litwanja imma l-Litwanja fetħet għal Malta b'kundizzjonijiet.  Fil-fatt dan il-pajjiż fetaħ il-bibien tiegħu għal 27 pajjiż - fosthom ħafna mill-kompetituri ta' Malta bħal Ċipru, il-Greċja u saħansitra l-Italja.  Nies minn dawn il-pajjiżi m'għandhomx restrizzjonijiet biex jidħlu

Sa issa Malta tinsab fil-lista l-oħra - flimkien ma' Spanja u l-Irlanda  - u allura jekk tmur il-Litwanja trid tagħmel kwarantina ta' ġimagħtejn. 

In-Norveġja:  Fil-15 ta' Mejju il-Gvern Norveġiż baqa' jappella kontra kwalunkwe vjġġar sal-20 ta' Awwissu. Qal illi se jara x'se jkun l-impatt fuq pajjiżi oħrajn qabel imbagħad tittieħed deċiżjoni.  Sal-15 ta' Ġunju - din il-ġimgħa - Il-Gvern se jiddeċiedi jekk ibbidilx id-deċiżjoni tiegħu għall-pajjiżi Nordiċi u fl-20 Ġunju għal pajjiżi oħrajn Ewropej. 

Sa issa, kull min imur in-Norveġja irid bilfors joqgħod għal kwarantina ta' għaxart ijiem, anke jekk ma jkollhomx sintomi u sa issa jidher illi dawn ir-regoli se jibqgħu sa wara s-Sajf - jiġifieri wara li Malta tkun fetħet. 

L-Iżrael:  Interessanti illi skont diversi rapporti fuq siti ta' aħbarijiert ewlenin - inkluż fuq The Times of Israel nhar il-Ħadd li għadda - dan il-pajjiż qed jiddiskuti biex jiftaħ l-ajruport ewlieni tiegħu, Ben Gurion, għal ħames destinazzjonijiet, li sa issa ma jinkludux lil Malta. 

Dawn huma:  Il-Greċja, Ċipru, l-Islovenja, il-Ġorġja u l-Montenegro, filwaqt li l-istess Times of Israel tirrapporta diskussjonijiet ukoll mal-Awsitrija. 

L-Irlanda: Skont l-aħħar informazzjoni aġġornata nhar is-27 ta' Mejju mill-Ajruport ta' Dublin, sa issa kull persuna li tidħol f'dan il-pajjiż hija obbligata li tagħmel kwarantina ta' 14-il jum, anke jekk il-persuna tkun Irlandiża.  Dan ifisser illi jekk is-sitwazzjoni tibqa' tali sal-1 ta' Lulju huwa diffiċli li int tmur l-Irlanda jew inkella li huma jiġu hawn.

Id-Dipartiment tas-Saħħa qed javża illi kull min jasal jeħtieġ formola uffiċjali biex l-awtoritajiet ikunu jafu fejn se tkun (kif ħabbret li se tagħmel Malta) u li jista' jikkuntattjawk meta jridu f'dawk l-14-il jum biex ikunu ċerti li inti bqajt f'iżolament.

Czechia: Czechia, li għadha magħrufa minn ħafna bħala ir-Repubblika Ċeka ħabbret, skont rapport fuq Reuters, illi se tiftaħ għal 19-il pajjiż - u mill-ġdid fl-artiklu ppubblikat nhar it-Tnejn, Malta ma tissemmiex. 

Fil-fatt iż-żoni 'ħodor' u allura siguri huma: Il-ġirien ta' dan il-pajjiż, il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Polonja u l-Islovakkja, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Bulgarija. Apparti dawn hemm ukoll il-Kroazja, il-Greċja, Ċipru, l-Iżvizzera, l-istati Baltiċi, il-Fillandja, in-Norveġja u l-Iżlanda. 

Sqallija u Sardegna: Sa issa Malta fetħet għal dawn iż-żewġ żoni fl-Italja - żewġ gżejjer fil-Mediterran.  Minn din il-ġimgħa l-Italja kollha fetħet l-ivjaġġar għall-pajjiżi kollha taż-żona Shengen, mingħajr il-bżonn ta' testijiet mediċi. 

Jekk minn waħda minn dawn destinazzjonijiet tmur għal parti oħra tal-Italja, meta tasal lura Malta obbligat tagħmel 14-il jum kwarantina.

Fillandja:  Il-Fillandja għadha ma ħabritx data speċifika ta' meta se jiftaħ l-ajruport.  Għalkemm rapporti juru illi fl-aħħar ġimgħa kien hemm ċaqlieqa fi-sens illi passiġġiera issa jistgħu jieqfu Helsinki u jaqbdu titjira domestika oħra minn hemmhekk. Dan minflok ikunu eskortati għal taxi jew karozza tagħhom u jieqfu f'dan l-ajruport. 

Il-Ġermanja: Il-Ġermanja ħabbret ukoll din il-ġimgħa illi fetħet il-bibien tagħha għal 21 pajjiż Ewropew, inkluż Malta.  Il-Ġermanja qed tgħid li l-ivjaġġar u raġunijiet personali qed jiżdiedu mar-raġunijiet validi li għalihom tista' tmur f'dan il-pajjiż.

Il-Ministru tal-Intern Ġermaniż - skont is-sit shengenvisainfo.com -   ddeċieda wkoll li għalissa l-fruntiera ma' Franza, l-Awstrija u l-Iżvizzera jibqħu magħluqin, filwaqt li t-traffiku tal-ajru se jinfetaħ mingħajr restrizzjonijiet għall-Italja u Spanja fil-15 ta' Ġunju.

L-Estonja:  Is-sitwazzjoni hawnhekk hija viċin ħafna dik tal-Litwanja.  Fil-fatt dan il-pajjiż fetaħ għal 24 destinazzjoni, mingħajr il-bżonn ta' restrizzjonijiet. 

Sa din il-ġimgħa Malta kienet flimkien mal-Iżvezja, il-Belġju, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja.  Jiġifieri biex tidħol l-Estonja trid tagħmel 14-il jum kwarantina. 

Lussemburgu: Sa issa jidher illi wara xaharjn ta' sospensjoni, l-ewwel titjiriet regolari tal-passiġġiera bdew il-ġimgħa l-oħra bil-Luxair minn Stokkolma, Liżbona u Porto fil-Portugall u Hamburg u Munich fil-Ġermanja. 

Wieħed irid jara kemm iktar iridu jinfetħu destinazzjonijiet fil-ġimgħat li ġejjin. 

Il-Greċja:  Le, il-Greċja mhijiex fil-lista ta' pajjiżi li Malta fetħet kuritur sigur miegħu, iżda l-Greċja poġġiet lil Malta fil-lista. 

Jiġifieri Malti jista' jmur il-Greċja mingħajr ma jkollu bżonn jagħmel testijiet, imma jekk Grieg jiġi Malta jeħtieġ jgħaddi minn proċessi u checkups.

More in Politika