'Josef Caruana ma kellu qatt jikxef id-dettalji ta’ persuni li ffirmaw petizzjoni'

Il-Kummissarju għall-Istandards jinvestiga lil Caruana wara li ppubblika d-dettalji ta' akkademiċi li ffirmaw petizzjoni biex jirriżenja Joseph Muscat

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qata’ ilment dwar tliet persuni li kienu membri tas-segretarjat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat jiġifieri Keith Schembri, Sandro Craus u Josef Caruana.

L-ilment ġie sottomess mill-Professur Arnold Cassola, li talab lill-Kummissarju jinvestiga lil Keith Schembri talli allegatament ħoloq assoċjazzjoni kriminali li wasslet għal assassinju; lil Sandro Craus talli allegatament impjega persuni bla kwalifiki f’karigi li ma jeżistux; u lil Josef Caruana talli fil-paġna personali tiegħu fuq Facebook żvela n-numri tal-karta tal-identità ta’ persuni li ffirmaw petizzjoni.

Il-Kummissarju spjega kif ma setax jinvestiga lil Keith Schembri u lil Sandro Craus għaliex l-allegazzjonijiet kontra tagħhom kienu jittrattaw dwar atti li ġraw qabel daħal fis-seħħ l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Spjega wkoll kif l-allegazzjoni kontra Keith Schembri, b’mod partikolari, kienet ta’ natura kriminali li kellha tiġi indirizzata lill-pulizija.

Mill-banda l-oħra, huwa sab li Josef Caruana, eks kandidat Laburista, mexa kontra l-etika meta, f’Diċembru li għadda, żvela n-numri tal-karta tal-identità ta’ persuni li ffirmaw petitizzjoni biex Joseph Muscat jirriżenja minn Prim Ministru. 

Il-petizzjoni kienet qegħda tiċċirkola fost l-akkademiċi tal-Università ta’ Malta, li kienu mistiedna jiffirmawha.

Caruana xandar it-test tal-petizzjoni fuq Facebook flimkien mal-ismijiet u n-numri tal-karti tal-identità ta’ sebgħin persuna li kienu laħqu ffirmwaha sakemm waslet għandu. 

L-għada, il-firmatarji (li sadanittant qabżu t-300) ħarġu stqarrija fejn ippubblikaw il-petizzjoni bl-ismijiet tagħhom iżda mhux bin-numri tal-karta tal- identità. 

Uħud minnhom għamlu rapport lill-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data dwar il-pubblikazzjoni tan-numri tal-karta tal-identità tagħhom. Dakinhar stess jew l-għada, Caruana neħħa d-dettalji tal- firmatarji minn fuq Facebook. 

Il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data sab li s-Sur Caruana ma messux ippubblika n-numri tal-karta tal-identità tal-firmatarji. F’dal-punt il-Kummissarju għall-Istandards seta’ jkompli l-investigazzjoni tiegħu, li fil-frattemp kienet sospiża. 

Il-Kummissarju għall-Istandards ikkonkluda li min bħal Josef Caruana għandu kariga bħala persuna ta’ fiduċja fis-segretarjat tal-Prim Ministru hu mgħobbi b’responsabbiltà akbar minn dik li ġġorr persuna privata. 

“Ix-xandir tan-numri tal-karta tal-identità minn persuna f’kariga bħal din ma setgħetx ħlief tittieħed bħala forma ta’ intimidazzjoni, anki jekk dan ma kienx il-ħsieb tas-Sur Caruana. Il-messaġġ li ngħata kien ‘nafu min int,’ saħaq il-Kummissarju. “Dan kien jgħodd aktar u aktar meta n-numri tal-karta tal-identità ta’ dawk li laħqu ffirmaw ġiet imxandra lejliet li kellha tagħlaq il-petizzjoni. Qisu kien intiż li jintbagħat messaġġ lil dawk li kienu għadhom ma ffirmawx. :

Madankollu, il-Kummissarju osserva li Caruana kien neħħa d-dettalji dwar il-firmatarji tal-petizzjoni minnufih. 

Il-Kummissarju kkonkluda li dan, flimkien mas-sejbien ta’ mġiba mhux xierqa min-naħa tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, kien rimedju biżżejjed għan-nuqqas.

More in Politika