'Il-ħolma tagħna dejjem kienet li niżżewġu u nixtru post ... imma biex noħrorġu l-10% se nitkissru!'

Permezz ta' inizjattivi t-tgħabija fuq min irid jixtri l-ewwel proprjetà naqset. Imma għad hemm sfida waħda u kbira, jiġifieri d-depożitu fuq dik il-proprjetà li bil-prezijiet kif inhuma  jista' faċilment ivarja minn €15,000 sa €20,000.  L-ILLUM tiltaqa' ...
 

L-ewwel pass biex koppji u individwi jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom baqgħet xi ħaġa iebsa anke jekk il-Gvern nieda matul dawn l-aħħar snin l-iskema tal-First Time Buyers u allura skema - li minnha ibbenifikaw eluf ta' nies - li permezz tagħha koppja jew individwu ma jħallsux it-taxxa fuq dik il-proprjetà li jkunu xtraw.
Iżda għad hemm ukoll l-akbar sfida li għadha sal-lum qiegħda sservi ta' impediment biex eluf ta' nies ikollhom il-proprjetà tagħhom u dan huwa l-fatt illi qabel kollox u biex tibda jkollok saqaf fuq rasek jeħtieġ toħroġ 10% bħala depożitu. Dan ifisser li qabel biss jibdew ħafna nies, skont il-prezzijiet tal-lum, iridu joħorġu bejn €15,000 u €20,000,  f'depożitu għal proprjetà ta' daqs medju b'żewġ kmamar tas-sodod jew forsi (f'xi lokalitajiet) tlieta.
Dan fid-dawl tal-fatt illi skont l-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatitika id-dħul bażiku medju f'Malta sal-2018 kien ta' ftit inqas minn €19,000.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' tnejn minn nies li qed jippruvaw jagħmlu dan il-pass u staqsiethom dwar id-diffikultajiet tagħhom biex isiru sidien ta' djar, hekk kif f'pajjiżna wkoll - minkejja li s-suq ġie regolat - il-kirjiet huma għoljin ħafna kkumparat mal-pagi.

'Qed naħdem u nistinka, imma kollu ta' xejn!'

Waħda mill-persuni li tkellmu mal-ILLUM hija persuna single.  Raġel, li għandu 24 sena, jaħdem bħala accounts clerk u jaqla' ftit iktar minn €17,000.

Hu qal illi wara snin ta’ studju, għamel l-ACCA u jixtieq li jagħmel il-pass li jsir sid ta' daru.  "Naħdem full-time u minħabba li persuna waħdi, għax miniex f’relazzjoni, qed insiba bi tqila biex infaddal l-10% biex nixtri proprjetà xejn speċjali – proprjetà bażika. Inġemma, kif nista’ xi ħaġa fix-xahar – b’dak li jibqgħali mill-paga u jekk ma jinqala' xejn forsi jirnexxieli nasal ħafna snin oħra," sostna mal-ILLUM.

Ifakkar ukoll iżda illi aktar kemm jgħaddu snin, iżjed jiżdiedu l-pagamenti fix-xahar biex iħallas lura lil bank is-self għaliex jonqos il-perjodu illi fih irid jitħallas lura l-istess self. "Allura nħossni studjajt, qed naħdem u nistinka u ma nasal qatt," jgħid b'xi ftit ta' qalb maqtugħa.

Intant tkellmu wkoll ma' din il-gazzetta koppja, bir-raġel ta' 27 sena jaħdem f'fabbrika u mara li taħdem LSE ta' 26 sena.  Il-mara taqla' €17,500 fis-sena filwaqt li r-raġel jaqla' €13,445 biex b'kollox jaqilgħu ftit inqas minn €31,000 fis-sena.
“Aħna nixtiequ niżżewġu, iżda fil-verità bil-paga tagħna lanqas dik ma nistgħu nagħmlu biex forsi jirnexxielna nixtru post," qalu lil din il-gazzetta.
"Aħna l-ħolma tagħna dejjem kienet li niżżewġu imbagħad nidħlu l-post. Issa aħna t-tnejn naħdmu u nistinkaw imma biex ikollna biżejjed flus biex nixtru l-proprjetà imbagħad nimlewha rridu nġemmgħu l-paga kollha – li hija impossibbli. Sibna proprjetà 2 bedroom – €200,000 imma biex noħorġu l-10% se nissallbu,” temmew isostnu mal-ILLUM.
Intant f'paġna 8 esperti fil-qasam tal-kiri jmeru dak li qal ma' din il-gazzetta Douglas Salt u jgħidu li mhu vera xejn illi sid ta' proprjetà jista' ma jaċċettax li jikri lil xi ħadd ibbażat fuq ir-reliġjon jew nazzjonalità.

 

More in Politika