'Inwissu li nerġgħu ninżlu fit-toroq nipprotestaw kontra l-qattelin u l-ħallelin' - Repubblika

Repubblika titlob għat-tkeċċija immedjata ta' Chris Cardona mill-Partit Laburista

Fi stqarrija l-għaqda Repubblika wissiet li meta jkun il-waqt mhux se tiddejjaq terġa tinżel fit-toroq biex tipprotesta kontra dawk li sejħet "ħallelin u qattelin."  L-istess għaqda saħqet illi l-Prim Ministru għandu, minnufih ikeċċi lil Chris Cardona mill-Partit Laburista. 

Pass, pass dak li ħareġ ilbieraħ

Ilbieraħ fil-Qorti, waqt ix-xhieda tiegħu, Melvin Theuma saħansitra jgħid li darba Fenech qallu li Chris Cardona kien iddaħħal l-isptar għax kellu 'overdose.'

"Kien inkwetat minħabba l-qtil ta' Daphne. Fenech qalli li Cardona kien bela xi pinnoli u għalhekk kien iddaħħal l-isptar," saħaq Theuma.

Jason Azzopardi li qed jidher parte civile għal Daphne Caruana Galizia kompla jistaqsi dwar ritratt li fih jidher raġel li allegatament għadda flus mingħand Cardona għal għand il-Fulu.

L-Avukat Azzopardi staqsih jekk jafx lil din il-persuna. "Dan kien il-persuna tat-350,000 li allegatament għaddew mingħand Cardona għall-Fulu?"

Theuma wieġeb fil-pożittiv u qal li ismu jibda bil-B. Skontu, dan kien l-intermedjarju bejn Cardona u l-Fulu. "Mhux ċert min urini dan ir-ritratt jekk hux Johann jew Yorgen. Imma anke l-Pulizija urewni dan ir-ritratt."

Azzopardi staqsih jekk dan kienx "il-Bigli," iżda Theuma qallu li ma jafx għax qatt ma ltaqa' miegħu.

Kompla jistaqsih jekk Mario Degiorgio (ħu l-aħwa Degiorgio) qattx semma' miegħu lil xi ħadd b'rabta mal-ġuri.

"Iva. Mario Degiorgio darba semma' lil David Gatt u qalli li sakemm ikun hemm il-ġuri, irid jipprepara 400. David Gatt kien bagħat messaġġ ma' xi ħadd li jekk l-aħwa Degiorgio kellhom jitfgħu l-ħtija fuq Cardona, kien joqtolhom," kompla jixhed Theuma.

'Għadhom jaġixxu ta' mafja ... '

Intant l-għaqda Repubblika fakket illi filwaqt li kulħadd hu preżunt innoċenti sakemm ippruvat ħati, "ma ninsewx safejn wasslet l-impunità ta’ Chris Cardona, l-istess bħall-impunità ta’ Keith Schembri, li ġarrbu arrest ta’ ftit sigħat f’Diċembru li għadda, u nħelsu qisu qatt ma ġara xejn. Dawn igiegħluna nsostnu li d-dikjarazzjonijiet ta’ Cardona m’humiex prova ta’ innoċenza. Huma prova li għadhom igawdu l-protezzjoni tal-gvern u għadhom jaġixxu ta’ mafja - stat fi stat - li ma jista’ għalihom ħadd"

"Chris Cardona inqabad jigdeb aktar minn darba dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Alfred Degiorgio il-Fulu u l-partner legali ta’ Chris Cardona, David Gatt, kien akkużat (u ma nstabx ħati) tal-istess serqa li għaliha kien akkużat Vince Muscat il-Koħħu. In-numru ta’ Chris Cardona kien l-uniku numru , waħdu, imniżżel fuq ‘burner phone’ li ntrema’ mill-moll mat-tinda tal-patata," tfakkar Repubblika. 

 

 

 

 

More in Politika