'Il-gwerra rbaħniha' jgħid Fearne bil-PM Abela jindika tliet prinċipji li fuqhom se tkompli l-ħajja għalissa

Il-PM jgħid li se jiġu riveduti ċerti miżuri li ttieħdu diġa' filwaqt li jħabbar il-lista uffiċjali ta' destinazzjonijiet li għalihom se jkun miftuħ l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta

GIllejla l-Prim Ministru Robert Abela għamel diversi tħabbiriet, fosthom reviżjoni wkoll ta' miżuri li diġa' ttieħdu filwaqt li indika illi l-ħaddiema jistgħu jirritornaw fil-postijiet tax-xogħol.  Huwa ħabbar b'mod uffiċjali issa illi nhar il-Ġimgħa se jiftħu barijiet, ċentri taċ-childcare u gyms, filwaqt illi fl-1 ta' Lulju se jkun qed jiftaħ l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta. 

Dan allura huwa t-tielet sett ta' rilaxxament ta' miżuri, wara li infetħu l-ħwienet kollha tal-bejgħ bl-imnut, fosthom, ħwienet tal-ħwejjeġ, biex imbagħad infetħu ħwienet bħal hairdressers, restaurants, Lidos u snack bars. 

Huwa qal li dan kollu se jsir fuq tliet prinċipji:  L-ewwelnett l-iddistanzjar soċjali, l-iġene u l-ilbies tal-maskri fil-postijiet fejn għandhom jintlibsu. 

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne elenka diversi miżuri li ħa l-Gvern biex jilqa' għall-agħar xenarju - billi aċċerta li Malta  jkollha biżżejjed sodod u apparat bżonnjuż.

"Preparati u s-sistema hija ppreparata bl-aqwa mod mhux biss għall-Covid-19, imma għal kull tip ta' virus.  Din hija gwerra li aħna bħala pajjiż irbaħniha, bl-R Factor ikun biss 0.5% - baxxa u numri li huma baxxi.  U dan għax ħadna l-miżuri f'waqthom.  Ma għandniex għalfejn nibqgħu fi stat ta' gwerra," qal Fearne. Huwa qal li Malta bniet sistema ta' Early Warning biex il-pajjiż ikun jista' jipprevjeni, mhux biss għall-Covid-19 imma għal kull sfida oħra.

Dwar l-amnestiji l-PM Abela saħaq illi hu qatt ma qal li se tingħata amnestija ġenerali għal kulħadd, imma biss li fejn hemm każi ġenwini speċjalment ta' anzjani li  - per eżempju - kienu qed jixtru, amnestija tkun kkunsidrata.  Huwa qal li lbieraħ qal li qal fuq bażi umanitarja. 

Il-PM Abela ħabbar illi l-pajjiżi li għalihom se jinfetaħ l-Ajruport huma dawn:    

  • L-Iżlanda
  • L-Islovakja
  • Ċipru
  • Il-Litwanja
  • L-Iżrael
  • In-Norveġja
  • L-Iżvizzera
  • L-Irlanda
  • L-Estonja
  • Id-Danimarka
  • L-Ungerija
  • L-Awstrija
  • Il-Lussemburgu
  • Il-Ġermanja
  • Ir-Repubblika Ċeka
  • Il-Fillandja
  • Sardegna
  • Sqallija

Huwa qal li għal dawn il-pajjiżi mhux se jkun hemm kwarantina obligatorja, imma din se tibqa' fis-seħħ għal xi nies li jkunu ġejjin minn pajjiżi li mhumiex f'din il-lista.  Dan jgħodd ukoll għall-Maltin li jsiefru.  Fil-fartt kull fejn ddaħħlet din il-miżura fl-Unjoni Ewropea sa issa ma kinitx imposrta kwarantina fuq dawk li se jivjaġġaw f'dawk li qed jissejħu 'Safe Corridors'. 

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet illi biex intgħażlu dawn il-pajjiżi dan sar skont l-ammont ta' testijiet li saru, r-rata ta' mortalità u l-proporzjon ta' każi mill-iswabs li saru.  Qalet illi l-Gvern se jkun qed jieħu informazzjoni wkoll ta' kull turist li jiġi Malta, inkluż ta' fejn se joqgħosu. 

Gauci qalet illi biex persuna tidħol Malta trid tkun ilha tgħix f'wieħed minn dawn il-pajjiżi għall-aħħar erba' ġimgħat u tkun ġejja b'titjiriet diretti biss.  Dan ifisser illi xi ħadd li ġej minn pajjiż li mhux qiegħed fil-lista, ma jistax jaqbad connecting flight għal Malta minn pajjiż li mhux wieħed minn dawn id-19.

More in Politika