'Nies ma jippanċjawx, nies jippanċjaw u jitilqu jaħdmu f'xi ħanut ... iż-żejjed kollu żejjed'

 - It-tmexxija preżenti tal-Wasteserv tipprova tirranġa sitwazzjoni ta' nies li ddaħlu fil-kumpanija statali fil-ġimgħat qabel l-elezzjoni tal-2017 -  Tmienja minnhom diġa' tkeċċew fl-aħħar ftit xhur għax ma kinux qed imorru x-xogħol jew għal raġunijiet aktar serji u ħaddiema mgħaddba u rrabjati jċemplu lill-gazzetta ILLUM...

 

Numru ta' ħaddiema tal-Wasteserv li tkellmu mal-gazzetta ILLUM wrew l-għadab kbir tagħhom għas-sitwazzjoni ta' abbuż li ilha għaddejja fil-kumpanija minn numru żgħir ta' ħaddiema li huma jgħidu illi ma jista' għalihom ħadd, ħaddiema li kważi kollha kienu impjegati qabel inbidel il-Ministru, u allura fi żmien il-Ministru Josè Herrera.  Jidher iżda illi dan l-abbuż mhux se jdum għaddej hekk kif it-tmexxija tal-kumpanija statali mistennija tinżel bil-qawwa kontra prattiċi ħżiena bil-possibilità ta' passi dixxiplinarji.

Fil-fatt din il-gazzetta tinsab infurmata li tant kien gravi l-abbuż illi kien hemm uħud mill-ħaddiema li diġa' kellhom il-kuntratt itterminat hekk kif minn sena sħiħa lanqas biss kienu qed imorru - fi ġranet ekwivalenti - għal xahar xogħol. Il-gazzetta ILLUM tinsab infurmata li sa issa, din is-sena b'kollox twaqqfu tmien ħaddiema. 

Diversi sorsi fil-kumpanija u anke lilhinn minnnha allegaw prattiċi skandalużi bħal nies li jippanċjaw u jitilqu 'l barra jaħdmu fuq xi biċċa xogħol oħra privata, nies li ma jmorrux għax-xogħol, oħrajn jagħmlu l-qadi privat bil-vann tax-xogħol u oħrajn li jippanċjaw u jmorru jaħdmu fin-negozju tagħhom.  "Lanqas inkun ilħaqt dħalt," jgħid wieħed minn dawk li kellmu lil din il-gazzetta, "jkunu diġa' ppanċjaw u telqu 'l barra.  U x-xogħol l-ieħor jaqa' fuq il-ħaddiema l-oħrajn.  Hekk sew?  U ħadd ma jista' għalihom hawn, vera rrabjati! Agħar minn hekk jekk tgħid xi ħaġa, jgħidulek għax dak ikellem lill-Ministu (Herrera)."

Sors mill-kumpanija u lilhinn kkonfermaw illi apparti nies li jippanċjaw u ma jmorrux għax-xogħol, uħud minn dawn jaħdmu f'qasam - per eżempju il-manutenzjoni - u ma jafu kważi xejn li jirrikjedi dan ix-xogħol.

'Qisu xejn mhu xejn ... u aħna bil-GPS'

L-ewwel sors qal li kollox qed jintefa' fuq ta' madwar dawn il-ftit ħaddiema li mhumiex jagħmlu xogħlhom u li dan mhuwiex ġust.  "Dawn iddaħħlu hawn u kulħadd jibża' minnhom.  Jagħmlu li jridu, qisu xejn mhu xejn - mit-Tnejn sal-Ħadd u aħna bil-GPS biex ikunu jafu fejn qegħdin, dan mhux sew."

It-tieni sors żvela kif fl-aħħar jiem sar jaf li t-tmexxija l-ġdida tal-kumpanija, issa taħt it-tmexxija tal-eks Chrairman tal-Korporazzjoni tal-Ilma  Richard Bilocca bagħtet email illi fiha qed tordna li ħaddiema illi ma jippanċjawx għal tliet darbiet wara xulxin, tittieħed azzjoni kontrihom.
"Hawn iddaħħlu nies bl-addoċċ, hawn erba' minn nies jekk ilhom hawn tliet snin daqshekk ilhom ma jagħmlu xejn.  Imma għandhom il-protezzjoni," jallega.

Dan spjega kif fil-fatt fil-kumpanija ddaħħal Jeremy J Camilleri li kien President ta'  taqsima fil-GWU, bil-għan li jkun hemm aktar organizzazzjoni u dixxiplina.

It-tielet sors qrib sew il-kumpanija reġa kkonferma dak kollu li qalu l-ewwel tnejn mal-gazzetta ILLUM

'Kull fejn ikun hemm nuqqasijiet jiġu indirizzati'

Intant din il-gazzetta staqsiet lil Bilocca żewġ mistoqsijiet.

L-ewwelnett:  Kif qegħdin titrattaw u tippruvaw twaqqfu dan l-abbuż, anke jekk qed isir mill-ftit?  Qed tagħmlu checks biex tkunu ċerti li kulħadd jinsab fuq il-lant tax-xogħol?

U t-tieni mistoqsija kienet: Ġieli kellkhom każi ta' indħil politiku minn Ministru - mhux neċessarjment dak li taħtu hemm dekasteru tal-wasteserv bħalissa - dwar impjegati, kundizzjonijiet tal-impjieg jew inkella dwar proċessi dixxiplinarji fil-konfront ta' xi ħaddiem?
Bilocca saħaq illi bħal kull każ ieħor, dettalji u lmenti minn ħaddiema - wħud minnhom li saru ma' din il-gazzetta - ġew riferuti lid-dipartiment ikkonċernat.  "Nixtieq nassigura li bħala Wasteserv noperaw prattiċi ta' HR moderni, inkluż punching elettroniku u kull fejn ikun hemm nuqqasijiet jiġu indirizzati."

Bilocca qal illi l-kumpanija hija determinata tkompli ttejjeb l-operat tagħha, kif fil-fatt jgħid li qegħda tagħmel.

Intant dwar it-tieni mistoqsija Bilocca qal illi fit-tliet xhur li ilu jmexxi din il-kumpanija ma kien hemm fl-ebda ħin xi forma ta' indħil mill-Ministru Aaron Farrugia, li jiddiskrevih bħala "xprun biex is-servizz li tagħti l-Wasteserv jkompli jittejjeb fl-aħjar interess tal pajjiż."
L-akkużi fil-fatt ta' dawk li tkellmu mal-ILLUM qatt ma kienu lejn il-Ministru u l-amministrazzjoni tal-lum.

Mhux l-ewwel darba fl-għajn pubblika...

Din mhix l-ewwel darba li l-operat ta' Herrera fir-rigward ta' ħaddiema fil-Wasteserv spiċċa fid-dawl pubbliku.

Fil-fatt il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi kien ddiskuta għexieren ta' ħaddiema li ddaħħlu f'din il-kumpanija fil-ġimgħat ta' qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017.  Kienet l-Oppożizzjoni li talbet illi sir din l-investigazzjoni u li allegat illi dawn il-ħaddiema ddaħħlu f'eżerċizzju ta' kaċċa għall-voti. 

Minn naħa tiegħu l-Gvern kien qal li dawn in-nies kienu ddaħħlu għax kien hemm bżonn u allega illi l-PN kien ipprova jagħmel l-istess billi għadda ismijiet ta' xi nies biex jaħdmu f'din l-entità.  Din l-akkuża ġiet irrifjutata mill-Oppożizzjoni.

Herrera kien qal illi l-pressjoni mill-kostitwenti u allura prattiċi korroti biex jiddaħlu nies jaħdmu mal-Gvern qegħdin fuq kull politiku.
Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi matul l-istess Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jekk l-ingaġġ ta' għexieren ta' ħaddiema qabel l-elezzjoni jikkostitwixxux 'prattiċi korrotti' Herrera kien qal illi l-kostitwenti kollha jmorru għand il-politiku meta jkollhom bżonn l-għajnuna. Hu qal li m'hemm xejn ħażin billi jsiru rakkomandazzjonijiet għalkemm iċċara li hu qatt ma ta ordni biex jiġu ngaġġati nies ma' din il-kumpanija u qal ukoll li qatt ma ndaħal fil-mod kif ħaddiema jiġu impjegati mal-Wasteserv.
 

More in Politika