Każ wieħed fl-aħħar 24 siegħa minn aktar minn 1,200 test ... is-sitwazzjoni tibqa' stabbli

In-numri jibqgħu baxxi għalkemm is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tappella kontra attivitajiet tal-massa 

Fl-aħħar 24 siegħa - apparti li s-seba' persuna tilfet ħajjitha minħabba l-Covid-19 - sitt persuni fiequ mill-istess virus waqt li kien hemm każ wieħed biss ġdid ta' coronavirus minn total ta' 1,247 test. 

Il-każ kien ta' persuna fl-Isptar Monte Carmeli li kellu sintomi ta' qtugħ ta' nifs, fost oħrajn.  Bħalissa qed isir ittestjar ta' nies li kienu fl-istess ward ma' din il-persuna.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet illi bħalissa hemm 28 persuna li qegħdin l-isptar:  11 qegħdin l-Isptar Boffa, ħamsa qegħdin l-Isptar St. Thomas, erba' fl-Infectious Diseases Unit ta' Mater Dei, ħamsa oħrajn l-isptar Mater Dei, wieħed fl-Isptar Monte Carmeli u tnejn oħrajn f'wards differenti fl-Isptar Mater Dei.  Hija qalet li dan mhux neċessarjament ifisser li dawn qegħdin f'sitwazzjoni ħażina ta' saħħa imma jista' jkun ukoll biex ma jagħmlux kuntatt ma' persuni oħra fl-istess dar li huma vulnerabbli wkoll.

Minn dawk li mietu sa issa, il-maġġoranza kellhom iktar minn 80 sena b''Gauci tgħid li l-Covid-19 fil-fatt jista' ma jkunx il-kaġun ewlieni tal-mewt iżda jkun fattur li jiggrava problemi ta' saħħa diġa' eżistenti.

Dwar iċ-ċelebrazzjonijiet li saru fil-Furjana Gauci qalet illi minn għada se jkun hemm min jagħmel test u ssir evalwazzjoni tas-sitwazzjoni u jekk setax kien hemm trażmissjoni.  Fakkret illi minkejja sitwazzjoni stabbli, attivitajiet tal-massa għandhom ikunu evitati. 

More in Politika