B'ħafna 'jekk' u 'forsi' jaf ikollna l-vaċċin lest bejn Jannar u Ġunju tas-sena d-dieħla

Moderna, li ħarġet l-ewwel fażi ta' riżultati "inkoraġġanti"din il-ġimgħa tgħid li jekk kollox imur kif suppost jaf ikollna vaċċin bejn Jannar u Ġunju tas-sena d-dieħla.  Imma mhux kulħadd daqstant entużjast ...

Il-kelma vaċċin bħalissa hija waħda mill-aktar kliem li qed tissemma u li toffri tama għal miljuni kbar madwar id-dinja.  Imma l-kumpanija tal-bioteknoloġija Amerikana Moderna, li jaf tkun dik illi toħloq vaċċin, qed tgħid illi jekk kollox imur sew -  wara l-ewwel fażi li kienet żvelata din il-ġimgħa - il-vaċċin ikun aċċessibbli fix-xhur ta' bejn Jannar u Ġunju tas-sena 2021, jiġifieri madwar sena oħra.  Naturalment għal ħafna dan ifisser eternità imma fir-realtà, għal diversi mard ieħor, bħal-HIV, għadu ma nstabx vaċċin wara aktar minn 20 sena. 

Imma x'inhu jiġri eżatt?  L-ILLUM twassal l-informazzjoni li kienet qed toħroġ din il-ġimgħa, informazzjoni li turi illi minkejja li qed iseħħu passi 'l quddiem, il-vjaġġ għad fadallu u xejn mhu ċert.

L-ewwel ittestjar suċċess fuq il-bniedem ...

Moderna din il-ġimgħa ħabbret  - permezz tal-ewwel data  - illi żgur fuq tmienja minn 45 persuna li fuqhom saru t-testijiet jidher li dan il-vaċċin huwa sigur u effettiv, anke jekk hemm min qed ipoġġi dan f'dubju serju. 

L-istokks tal-kumpanija żdiedu sew hekk kif kien irrappurtat illi tmien parteċipanti li rċevew dożi baxxi jew medji, żviluppaw antibodies li jiġġieldu dan il-virus, daqs jew aktar minn persuna li fil-fatt għandha dan il-virus. 

Antibody hija poteina fil-ġisem li hija magħmula mis-sistema ta' immunità f'ġisimna u li jwaqqfu aspetti aljeni fil-ġisem milli jagħmlulu ħsara.  Dawn jidħlu fl-azzjoni mill-ewwel u jistgħu jkunu kimiċi jew bakterja. 

L-antibodies li nħolqu minn dan il-vaċċin jissuġerixxu li joħolqu immunità, imma għadhom mhux qed jipprovaw dan b'ċertezza. 

 17 oħra minn dawn il-45 żviluppaw rispons immunitarju daqs pazjenti bil-Covid-19 imma għadu mhux ċar dan innewtralizzax il-virus fil-ġisem.

Dan il-vaċċin - mRNA-1273 -  huwa bħal kodiċi ġenetiku tal-coronvirus li huwa injettat f'persuna imma li mhux kapaċi joħloq sintomi jew infezzjoni tal-Covid-19.  Milli jidher sa issa iżda huwa kapaċi jipprovoka s-sistema ta' immunità.

L-istess kumpanija Moderna qalet illi jekk kollox imur kif pjanat f'Jannar tas-sena d-dieħla suppost ikun hemm l-ewwel vaċċin għall-ħaddiema tas-saħħa

X'qalu dwar Moderna?

Mhux kulħadd kien impressjonat iżda b'dawn l-iżviluppi - primarjament numru ta' xjentisti.

Fuq is-sit Amerikan li jitratta is-suġġett tas-saħħa - STAT  - Helen Branswell - tikkwota esperti jgħidu illi l-fatt li għadna ma nafux jekk dan il-vaċċin ħadimx fuq 37 mill-45 pazjent hija raġuni tajba biex tinżamm il-kawtela. 

Raġuni oħra li minħabba fiha diversi xjentisti għadhom ma fetħux ix-xampanja hija li Moderna għadha ma tatx ħafna informazjoni f'termini ta' numri, fosthom l-etajiet ta' tmien persuni li fuqhom dan il-vaċċin ħadem minħabba l-produzzjoni tal-antibodies. Jekk ħafna minn dawn it-tmienja kienu ta' etajiet iżgħar il-probabbilità hija li l-vaċċin seta' ħadem aħjar fuqhom, u allura dan jispega ir-riżultat pożittiv - jgħid l-artiklu.

Raġuni oħra li jġib l-artiklu għall-kawtela huwa l-fatt li l-Istitut Nazzjonali tal-Allerġiji u Mard Infettiv (USA) li fil-fatt qed jaħdem ma' Moderna fuq dan il-vaċċin baqa' silenzjuż sakemm kiehn qed jinkiteb dan l-artiklu.

U finalment dan l-artiklu jgħid illi sa issa mhuwiex ċar kemm l-antibody tista' iddum (durability) fil-ġisem u l-fatt illi n-numri ta' antibodies f'persuni differenti jista' jkun ferm differenti. 

U f'Oxford...

Vaċċin ieħor li kien qed jiġi ikkunsidrat illi jinsab sew fit-tiġrija kien dak tal-Università ta' Oxford. 

Irriżulta iżda illi meta ġew injettati bil-vaċċin xadini fil-fatt dan ma waqqafx il-virus f'dawn l-annimali, filwaqt li l-esperti qalu illi dan il-vaċċin  jista' jkun biss parzjament effettiv. 

Issa dan il-vaċċin - ChAdOx1 nCoV-19 - qed jintuża wkioll f'testijiet fuq in-nies, bil-Gvern tar-Renju Unit jilħaq ftehim mal-kumpanija AstraZeneca biex jekk dan il-vaċċin iħalli riżultati, din tipprovdi 30 miljun doża. 

Il-Professur Eleanor Riley mill-Università ta' Edinburgh qalet illi jekk r-riżultati jkunu l-istess bħal dak fuq ix-xadini l-vaċċin mhux se jgħin fil-kontroll tal-virus.

More in Politika