Filmat | 'Malta bħall-immigranti qed titħalla f’idejn it-traffikanti tal-bnedmin' - Evarist Bartolo

Il-Ministru Bartolo jinsisti li Malta ma tistax titħalla aktar waħedha

“1% tal-popolazzjoni f’Malta huma immigranti irregolari jistennew f’ċentri biex ikollhom l-applikazzjoni tagħhom ipproċessata. Fiċ-ċentri tal-immigranti tagħna għandna d-doppju tan-numru li jistgħu jilqgħu fihom.” Hekk saħaq il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo f’messaġġ dwar il-kriżi tal-immigrazzjoni fil-Mediterran li żdiedet fl-aħħar ġimgħat b’rabta mal-imxija tal-COVID-19.

Fil-messaġġ tiegħu, il-Ministru ifakkar lill-bqija tal-Ewropa li minkejja li Malta hija l-iżgħar pajjiż, dan ma waqqafhiex milli tagħmel kull sforz bies issalva l-ħajjiet fil-baħar.

“Pajjiżi oħra ħafna ikbar minna jgħidulna li kulħadd għandu problema bl-immigrazzjoni. Nafu. Aħna lesti li nagħtu sehemna iżda mhux ġust li jħalluna waħidna nġorru dan il-piż sproporzjonat,” insista l-Ministru.

Spjega kif mill-2005, madwar 9% tad-daqs tal-popolazzjoni Maltija ġiet minn rotot ta’ migrazzjoni irregolari. 

“Dan mhux għax ma nistgħux ngħassu l-fruntieri tagħha, iżda għax it-traffikanti u l-kuntrabandisti tal-bnedmin żviluppaw attività kummerċjali li minnha qegħdin jagħmlu profitti kbar. Kull dgħajsa bin-nies li jibagħtu taqsam il-Mediterran, qed tqallagħhom eluf u eluf ta’ ewro,” spjega l-Ministru. “Bħan-nies li qegħdin jitgħabbew fuq id-dgħajjes, aħna qegħdin nitħallew f’idejn it-traffikanti u l-kuntrabandisti tal-bnedmin.”

Filwaqt li tenna li l-problema tal-immigrazzjoni Ewropea hija responsabbiltà kollettiva, il-Ministru saħaq li Malta qed titħalla waħedha u li l-kliem tas-simpatija mhuwiex biżżejjed.

“Għanda bżonn ta’ għajnuna prattika. Hemm bżonn li nirrilokaw numru ta’ immigrant f’pajjiżi oħrajn,” insista l-Ministru.

Fakkar li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, kien hemm żieda ta’ 438% fil-wasliet tal-immigranti mir-rotta taċ-Ċentru tal-Mediterran. F’April, in-numru kien tliet darbiet aktar.

S’issa matul din is-sena waslu f’Malta 1,500 immigrant irregolari – kważi nofs it-total ta’ immigranti li waslu f’sena sħiħa s-sena li għaddiet. 

“Aktar ma tikber il-problema, anqas is-solidarjetà li nirċievu. Mill-2005 ’l hawn, kienu biss 8% tal-immigranti irregolari f’Malta li ġew irrilokati għal pajjiżi membri oħra Ewropej,” insista l-Ministru Bartolo. “Malta ma tistax titħalla waħidha ġġorr dan it-toqol ta’ piż sproporzjonat tal-immigrazzjoni, meta fl-aħħar mill-aħħar qiegħda tipproteġi l-fruntiera esterna Ewropea.”

Kien hawn li Bartolo saħaq li meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, fehmet li ngħaqdet ma’ grupp ta’ pajjiżi li jaqsmu r-responsabbiltajiet, l-aspirazzjonijiet u l-valuri. 

“Aħna minn dejjem għenna b’kull mezz, ħafna drabi b’kontribuzzjoni ħafna ikbar ras għal ras, għax nemmnu f’dawn l-ideali. Konna ta’ spalla għall-pajjiżi ġirien tagħna u pajjiżi membri ’l bogħod minna għal kull għajnuna mitluba. Is-solidarjetà hija xi ħaġa li nemmnu fiha. Qegħdin nitolbu għall-appoġġ u nafu li l-valur tas-solidarjetà welled lill-Unjoni Ewropea. Nafu wkoll li meta dan il-valur jibda jonqos, nibdew indgħajfu r-ruħ stess li suppost tagħti l-ħajja lill-Unjoni Ewropea,” temm jisħaq il-Ministru.

More in Politika