Sitta jħebbu għal pulizija f'San Ġiljan waqt li kienu ġo bar li fetaħ illegalment

Grupp ta' sitt Spanjoli se jispiċċaw quddiem il-Qorti u l-bar li fetaħ jaqla' taħrika...

Sitt Spanjoli qed jinżammu taħt arrest wara li l-bieraħ bil-lejl aggredew lill-Pulizija wara li nstabu fi grupp ta’ iktar minn erba’ persuni quddiem stabbiliment tax-xorb bi ksur tal-Avviżi Legali ppubblikati riċentament. B’rabta ma’ dan il-każ, se tinħareġ ukoll taħrika kontra l-istabbiliment wara li nqabad ukoll jikser Avviż Legali.

 Kienu għall-ħabta tal-10:00 p.m, x’ħin il-Pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan kienu nfurmati li stabbiliment tax-xorb li jinsab fix-Xatt ta’ Spinola, kien miftuħ u hemm numru ta’ persuni miġburin quddiemu u anke fuq ġewwa. 

 Minnufih il-Pulizija marru fuq il-post fejn hemmhekk sabu numru ta’ persuni bi ksur tal-Avviżi Legali u bdew jiġu mitkellma u nfurmati li qegħdin jiksru l-liġi li tgħid li ma jistgħux ikunu fi grupp ta’ aktar minn erba’ persuni. Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin jieħdu ddettalji ta’ dawk preżenti, tliet irġiel u tliet nisa, kollha Spanjoli, aggredew għall-Pulizija. 

Żewġt irġiel ta’ 35 sena u 24 sena kienu arrestat wara li ħebbew għal żewġ kuntistabbli tal-Pulizija, waqt li kien arrestat raġel ieħor ta’ 29 sena li ma kkoperax ukoll mal-Pulizija. Mara ta’ 36 sena kienet arrestata wara li mbuttat u kissret in-nuċċali ta’ Surġent tal-Pulizija, kif ukoll għamlet ħsara fuq apparat tar-radju tal-Pulizija u ħsara fuq il-vettura tal- Pulizija. Kienu arrestati wkoll mara ta’ 21 sena li bdiet issabbat mal-vettura tal-Pulizija u mara ta’ 23 sena li wkoll ma bdietx tikkopera mal-Pulizija u anke bdiet timbotta lill-istess Pulizija. 

Fuq il-post intalbet l-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, bl-persuni kollha  arrestati ttieħdu l-Għassa ta’ San Ġiljan. Waqt li kienu fl-Għassa u wara fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana, uħud minnhom komplew ikunu agressivi fil-konfront tal-Pulizija. Il-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti aktar ‘il quddiem.

 Intant, il-Pulizija tkellmu wkoll mas-sidien tal-istabbiliment fejn ġew infurmati li se tinħareġ taħrika fil-konfront tal-istabbiliment hekk kif ma kellux permess biex jopera.

 L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.

More in Politika