14-il każ ġdid minn 1,700 test fl-aħħar 24 siegħa ... it-tielet jum b'numru ta' każi 'ogħla'

Għat-tielet jum Malta tirresġistra 10 jew aktar każi ġodda ta' Covid-19 anke jekk fil-fatt in-numru ta' testijiet qiegħed dejjem jiżdied

Fl-aħħar 24 siegħa Malta rreġistrat 14-il każ ġdid ieħor, biex għat-tielet jum reġgħet qed tirreġistra numri ta' każi li huwa ogħla minn dak ta' ftit ġimgħat ilu għalkemm xorta dan jibqa' f'ambitu ta' rekord ta' testijiet.  Fil-fatt fl-aħħar 24 siegħa saru 1,700 test. Issa l-każijiet attivi telgħu għal 90.

F'messaġġ fuq il-midja soċjali l-Ministeru tas-Saħħa qal illi kien hemm ukoll tnejn minn nies li rkupraw minn dan il-virus fl-aħħar 24 siegħa.

Waqt il-konferenza tal-Aħbarijiet tagħha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat kif minn dawn l-14-il każ, erba' fil-fatt huma care workers li minnhom tlieta huma care workers fl-istess ward f'Mater Dei fejn kien hemm numru ta' każi pożittivi u care worker f'ward oħra li nstabet pożittiva wara screening.

Kien hemm diversi rġiel ukoll  - uħud li kellhom sintomi u oħrajn li ma kellhomx - illi rriżultaw fil-pożittiv filwaqt li kien hemm każ ta' persuna li taħdem f'ħanut illi rriżultat fil-pożittiv imma li Gauci fakkret illi kellha l-maskra u allura t-tixrid kien ikkontrollat.  Kien hemm każ ieħor ta' persuna li taħdem f'take away, f'liema każ dan l-istabbiliment ingħalaq biex isir id-diżinfettar.

Gauci fakkret illi dak kollu li sar f'termini ta' rilassament ta' miżuri qed isir b'numru ta' prekawzjonijiet li jnaqqsu t-trażmissjoni fosthom maskri u l-visors.

 

More in Politika