Ma tistax taqbad il-bagalji u tmur fejn trid ... Meta jiftaħ l-Ajruport se jkun għal ftit postijiet biss!

Meta se jiftaħ ma nafux - jista' jkun lanqas jiftaħ dis-sena - imma sa issa dawn huma l-uniċi destinazzjonijiet li Malta qed tippjana li tiftaħ ...

 

Meta jiftaħ l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta - u dan jista' jkun fi ftit ġimgħat jew ħafna iktar, saħansitra s-sena d-dieħla jekk is-sitwazzjoni tal-Covid-19 tmur għall-agħar - dan mhux se jiftaħ għad-destinazzjonijiet kollha, anzi minn dak li rriżulta llum mid-diskors tal-Ministru Julia Farrugia Portelli illum waqt Webinar organizzat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għalissa Malta, potenzjalment, se tiftaħ għal disa' destinazzjonijiet biss. 

Dawn id-destinazzjonijiet imħabbrin mill-Ministru Julia Farrugia Portelli huma s-Serbja, il-Lussemburgu, in-Norveġja, l-Islovakkja, l-Awstrija, iċ-Ċeka, Latvja, il-Litwanja u l-Iżrael. 

Għalissa kull destinazzjoni potenzjali oħra se tibqa' magħluqa u dan jista' jkun għal bosta raġunijiet, mhux biss dawk relatati direttament mal-pandemija.  Jista' jkun ukoll li linji tal-ajru li jtiru speċifikament għal destinazzjoni jew destinazzjonijiet differenti, mhux se jibdew joperaw minn Malta għaż-żmien li ġej. Jidher li sa issa kumpnaiji bħal Emirates, Qatar u Turkish Airlines għadhom ma ħabbrux li se jibdew joperaw minn Malta  - kif għadhom ma ħabbrux għal ħafna destinazzjonijiet oħrajn.

Jista' jkun ukoll li linja tal-ajru tiddeċiedi li għalissa ma tixtieqx topera ċerta rotot li minnhom titlef ħafna flus. 

Dan ifisser li anke jekk jiftaħ l-ajruport dan ma jfissirx li l-vaganza li għandek ibbukkjata f'Awwissu neċessarjament ser issir għax ma tkunx fl-itinerarju tal-ajruport meta fil-fatt jiftaħ il-bibien. 

Kun ċert u dejjem staqsi lill-aġenzija li mingħadha xtrajt il-biljetti tal-ajru!

More in Politika