Sfida li nbidlet f’opportunitajiet ġodda ... x’jaħsbu l-għalliema dwar it-tagħlim online?

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ erba’ għalliema dwar l-esperjenza u r-realtà ġdida li ġiet fuqhom bħal sajjetta fi bnazzi

Il-ġimgħa li għaddiet kienet iċċelebrata l-ġimgħa ta’ apprezzament għax-xogħol kollu li jwettqu l-għalliema u l-edukaturi mal-istudenti tagħhom u għalhekk, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ erba’ għalliema, tnejn minn skola primarja, għalliem tas-sekondarja u anke lettur tal-universita dwar il-ħidma tagħhom bħalissa, hekk kif bħal sajjetta fil-bnazzi, ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq.

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-għalliema dwar din l-esperjenza tagħhom, l-isfidi li affaċċjaw, il-pożittiv li ħareġ minn din l-esperjenza ġdida, kif qed jilħqu studenti li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u x’jaħsbu li se jkun l-impatt ta’ dan kollu fuq l-edukazzjoni fis-snin li ġejjin:

Janet Ciantar – Għalliema fi skola primarja (Kulleġġ Santa Tereża – Imsida)

Ġiet fuqna bħal sajjetta fil-bnazzi. Filli qegħdin fil-klassi u filli d-dar. Kif għalaqt il-bieb tal-klassi u ħriġt it-tfal fil-kuritur biex imorru d-dar ħassejt għafsa ta’ qalb. Malli qalulna li mhux deħlin lura ridna naraw kif nistgħu naħdmu mid-dar. Użajna l-MSTEAMS biex naħdmu. Qas qatt ma kont smajt bih. Kelli nitgħallem nużah fi ftit ġranet. Miegħi riedu jitgħallmu jużawh il-ġenituri. Għamilt kuntatt mal-ġenituri kollha biex nipprova nilħaq lil kulħadd. Ridt nara li kollha kellhom il-mezzi biex ikunu jistgħu jaħdmu miegħi bħal kompjuter jew l-Internet. Mill-ewwel ġimgħa kelli 22 student jaħdmu miegħi kuljum. Nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri li ħadmu id f’id miegħi kuljum u lill-istudenti li bil-ħeġġa għat-tagħlim li għandhom immotivaw lili biex naħdem iktar. Żgur mhux faċli għalihom. Saret bidla kbira fil-ħajja tagħhom u kellhom jinqatgħu mill-ħbieb, l-għalliema u anki min-nanniet. Nippruvaw nagħtuhom vuċi biex jesprimu x’qed iħossu. Qed jixorbu dak kollu li jisimgħu u jaraw imma jekk ma nitkellmux magħhom ma nafux kif qed tolqothom individwalment. Dawn eroj żgħar ukoll!

L-ikbar sfida kienet li nitgħallem naħdem bl-MSTEAMS.  Il-kompjuter naf nużah imma t-tagħlim online kien sfida kbira għalija. Għall-grazzja t’Alla nitgħallem malajr. Bdejt infittex u nitgħallem kemm nista’, kif jgħiduli b’xi għodda tgħodd għalija nara kif nista’ nibda naħdem biha.  Nistqarr li bħalissa qed naħdem ħafna iktar sigħat milli kont naħdem meta konna fil-klassi. Ridt naddatta ħafna mix-xogħol, insib xogħol ġdid u nitgħallem fl-istess ħin. L-istudenti tiegħi jaħdmu ħafna, allura rrid nsib xogħol li jinteressahom kif ukoll jieħdu gost jagħmluh. Learning should be fun! Sfida oħra hi fejn hemm tfal li qegħdin f’familji eżempju ta’ tliet aħwa, u jridu jaqsmu tablet bejniethom. Għal dawn diffiċli ħafna li jingħaqdu live. Għalhekk it-tagħlim għandu jkun aċċessibli għalihom permezz ta’ dokumenti jew filmati.

Is-sitwazzjoni bħala opportunità kbira għalina l-għalliema. L-għalliema bdew jaqsmu r-rizorsi tagħhom. Issa saħansitra għandna is-sit Teleskola, fejn l-għalliema jistgħu jaqsmu l-lezzjonijiet mal-istudenti ta’ Malta kollha. Naħseb li l-għalliema se jakkwistaw għodda importanti għall-futur tal-karriera tagħhom. Napprezza ħafna l-għajnuna li qed ningħataw mill-HoDs tad-dipartiment tad-Digital Literacy. Qed jipprovdu għajnuna u tagħlim kull ħin. Akkwistajt ħiliet ġodda. Inħossni aktar qrib il-ġenituri. Imma nammetti li nimmisja ħafna lit-tfal.

Kont naf li se jkun hawn tfal bla kompjuters, bla internet, tfal li qegħdin fi djar fejn hemm vjolenza domestika, tfal li l-iskola hi l-wens tagħhom, tfal li fl-iskola biss jesperjenzaw l-imħabba, tfal li se jbatu minħabba effetti psikoloġiċi u tfal b’abbiltajiet differenti li naqsitilhom l-għajnuna. Hemm tfal li l-ġenituri tagħhom spiċċaw bla xogħol u bilfors se jbatu iktar.  Qed isir sforz kbir biex jintlaħqu dawn l-istudenti. Anke jekk ma kellix sitwazzjonijiet simili, ninkwieta ħafna għalihom.

It-tagħlim virtwali se jkollu impatt kbir fuq l-edukazzjoni. Għaliha din hija opportunità biex niskopru opportunitajiet u għodod ġodda bħala għalliema u studenti. Nemmen li hemm bżonn ta’ riflessjoni serja fuq x’inhu vera relavanti għall-istudenti. Hemm bżonn aktar lezzjonijiet fuq life skills u  Emotional Literacy. L-outdoor learning fi żminijiet aktar kalmi, għandu jkollu sehem importanti fit-tagħlim għall-istudenti tagħna. 

Christopher Borg – Għalliem fi skola primarja (Kulleġġ Marija Reġina – San Pawl il-Baħar)

Din hija realtà ġdida għal kulħadd, inkluż għalian l-għalliema. Kellna nsibu modi kif nadattaw sabiex nibqgħu nagħmlu xogħolna. Hemm diversi pjattaformi diġitali onlajn li aħna l-għalliema qed nagħmlu użu minnhom sabiex inkunu nistgħu nagħtu l-lezzjonijiet tagħna u nibqgħu f’kuntatt mal-istudenti. Personalment nista’ ngħid li sibt ħafna koperazzjoni mill-maġġoranza tal-istudenti kif ukoll mill-ġenituri. Fil-primarja b’mod speċjali, minħabba l-età żgħira tal-istudenti, il-koperazzjoni tal-ġenituri hija fundamentali sabiex aħna nkunu nistgħu nilħqu lill-istudenti u ngħidilhom grazzi talli qed jaħdmu id f’id magħna għal ġid tat-tfal.  

Hemm diversi sfidi li qed naffaċċjaw. Għal raġunijiet differenti, mhux dejjem ikun faċli sabiex tispjega b’mod ċar u tagħti ċertu lezzjonijiet onlajn. Ħafna għalliema sabu ruħhom f’sitwazzjoni fejn riedu jitgħallmu jużaw sistemi onlajn li qatt ma kienu għamlu użu minnhom qabel. Dan ma kienx faċli la għall-għalliema u lanqas għall-istudenti u ġenituri li riedu jidraw din is-sistema. Apparti minn hekk, dik l-interazzjoni li l-istudenti jkollom mal-għalliema fil-klassi ma tista’ tbiddilha ma’ xejn. Sfida oħra hija meta ma jkunx hemm koperazzjoni mill-istudenti jew l-ġenituri. Din tagħmilha diffiċli ħafna sabiex tilħaq lill-istudent. 

Xi ħaġa pożittiva hija li bħala għalliema, kellna ċ-ċans nesploraw ħafna riżorsi u mezzi diġitali onlajn li qabel ma konniex nafu bihom. Riżorsi li huma ta’ benefiċċju għat-tagħlim tal-istudenti u li nistgħu nibqgħu nużawhom anke meta mmorru lura għan-normal. 

L-ebda student m’għandu jkun żvantaġġat. Kemm jista’ jkun nippruvaw inżommu kuntatt mal-ġenituri u naraw x’jista’ jsir f’kull sitwazzjoni individwali sabiex l-istudent ikompli jitgħallem u jkollu aċċess għal-lezzjonijiet u għar-riżorsi.

L-edukazzjoni kif nafuha qabel jaf tinbidel xi ftit. L-edukaturi kollha esperjenzajna possibilitajiet ġodda ta’ kif jista jsir it-tagħlim. Għalkemm l-interazzjoni tal-għalliema mal-istudenti tagħhom fil-klassi hija kruċjali, fl-opinjoni tiegħi aħna l-edukaturi għandna nevolvu l-modi tat-tagħlim tagħna sabiex nagħmlu l –aħjar użu mit-teknoloġija. 

Fabio Borg – Għalliem fi skola sekondarja (Kulleġġ Sant’ Elija)

Huma żminijiet ta’ sfida kbira għalina l-għalliema, għaliex parti essenzjali mix-xogħol tagħna huwa l-kuntatt dirett mal-istudenti u din  kellha tinbidel mill-qiegħ. Din hija xi ħaġa li ħolqot vojt fix-xogħol tiegħi bħalissa. Kellna naddattaw minnufih hekk kif tħabbret li l-iskejjel kellhom jingħalqu. Bħala skola ħadna mill-ewwel l-inizjattiva sabiex nimplimentaw it-tagħlim online u nkomplu bis-sillabi tas-suġġetti. Il-maġġoranza tal-istudenti  kkoperaw u jsegwu regolari, kemm il-lezzjonijiet li nagħmlulhom, kif ukoll ix-xogħol li jkollhom x’jaħdmu. Normali li għall-ewwel il-ġenituri tħassbu xi ftit però hekk kif raw li t-tfal tagħhom xorta qed jirċievu t-tagħlim, bdejna nsibu koperazzjoni min-naħa tagħhom ukoll. Bla dubju ċirkostanzi bħal dawn jafu ħolqu xi ftit tal-anzjetà fuq ċerti studenti, però dan ħsibna għalih ukoll għaliex il-councellors xorta baqgħu jsegwu lil dawk li għandhom bżonn l-appoġġ.

Waħda mill-isfidi ewlenin li kellna naffaċċjaw, kienet kif timplimenta tagħlim online u kif wieħed jista’jifhem il-bżonnijiet differenti tal-istudenti. Xi ħaġa oħra li kellna nagħmlu bħala skola kienet kifnipprovdu appoġġ immirat għall-użu tat-teknoloġiji l-ġodda lil ċerti studenti. Ħadd ma kien ippreparat għas-sistema ta’ tagħlim online, però mill-ewwel kulħadd irnexxielu jaddatta ruħu għaliha. 

Naħseb waħda mill-affarijiet pożittivi li ħarġu kienet l-aċċess online li permezz tiegħu wieħed jista’ jitgħallem. Nemmen li ser ikun hemm miżuri li kellna nimplimentaw bħalissa u li probabbli wieħed jista’ jżomm hekk kif nirritornaw fl-iskejjel tagħna. Waħda mill-affarijiet pożittivi li qed insib hi li l-materjal jasal b’mod elettroniku. Din hi xi ħaġa tajba anki għal quddiem meta jkun hemm xi studenti morda d-dar. B’din is-sistema wieħed m’għandux għal xiex jaqa’ lura għaliex xorta jista’ jkompli ma’ dak li jkun qed jiġri fil-klassi. L-istudenti m’għandhomx jistennew aktar sa ma jerġgħu jiġu lura l-iskola għaliex il-materjal li jkun sar fil-klassi jista’ jintbagħat u jinħadem mill-kumdità ta’ darhom. It-teknoloġija żgur li għenet sabiex ingħelbu ċerti limitazzjonijiet li forsi niltaqgħu magħhom fil-klassi.

Bħala skola tal-Knisja sibna koperazzjoni mis-‘Segretarjat tal-Iskejjel tal-Knisja’ fejn ipprovdew għajnuna f’diversi oqsma lil dawk l-istudenti fil-bżonn. 

Ħa jkun hemm affarijiet li nistgħu nibdew nużaw u nagħmlu użu minnhom sabiex inkunu aktar effettivi fil-ħidma tagħna ta’ għalliema, mod partikolari l-aċċess għall-materjal online. Però nnutajt ħaġa oħra. F’kull skola jkun hemm dawk l-istudenti li forsi fil-klassi jagħtu problemi biex jaħdmu jew biex joqogħdu attenti. B’din is-sistema rajt bidla għall-aħjar għaliex uħud minnhom qed jikkoperaw u jaħdmu bla diffikultà. Wieħed hawn jista’ jistaqsi jekk il-mudell ta’ klassi tradizzjonali għandux jingħata xejra oħra peress li ma’ ċerti studenti s-sistemi tat-teknologija moderna qed taħdem aktar għalihom. 

Dr. George Cremona - Lettur fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta

Ngħid għalija, l-ewwel ġimgħatejn ħassejt li għandi nutilizzahom biex nosserva x’qed jiġri. Infurmajt ruħi dwar għodda li permezz tagħhom stajt xorta nkompli nwassal il-lezzjonijiet. Għażilt l-iżjed għodda li ħassejt li jippermettuli li kif nagħmel fil-lezzjonijiet li nagħti meta qiegħed mal-istudenti fil-klassi, jħalluni nkompli npoġġi lill-istudenti fiċ-ċentru.  Allura – biex nagħti eżempju sempliċi – meta qed nagħti l-lezzjonijiet online, għażilt per eżempju pjattaformi li filwaqt li jiġbru lill-istudenti flimkien fi klassi virtwali, jippermettuli wkoll li nqassam lill-istudenti fi kmamar virtwali separati li bihom xorta jista’ jsir xogħol fi grupp. Dan għamiltu biex kemm jista’ jkun inqarreb il-klassi reali ma’ dik virtwali.  Il-koperazzjoni mill-istudenti hija kbira ħafna. Filwaqt li nifhem li hemm min kellu bżonn ftit iżjed ħin biex jidra fis-sitwazzjoni ġdida, ħassejt li l-istudenti għarfu li iva din hija xi ħaġa li qed nagħmlu biex it-tagħlim jibqa’ għaddej. Għaqqadna dak li jafu huma ma’ dak li naf jien u bis-saħħa ta’ din is-sinerġija kollox miexi ħarir.

L-akbar sfida li affaċjajt hija li ridt naddata il-pjanijiet tal-lezzjoni u r-riżorsi li kelli ppreparati. Kelli nbiddel u naddatta dawk ir-riżorsi li kont ippjanajt li nuża f’lezzjoni normali fi klassi, għal riżorsi addatti għal-lezzjonijiet online. Ħassejt li nagħmel żball li nuża l-istess riżorsi għar-realtà online. Il-ħin kien limitat ħafna peress li l-virus ħasadna. Kelli nagħmel dan ix-xogħol fi żmien relattivament qasir. Sakemm ingranajt ħassejtni f’tellieqa kontra l-ħin.

Xi ħaġa pożittiva li affaxxinatni hija l-flessibilità ta’ numru kbir ta’ kollegi anzjani u anke dawk iżgħar. Flok ħafna għalliema u letturi jsibu skużi li qatt ma ħadmu online, jew li m’għandhomx għarfien, b’mod kuraġġjuż ħafna, qabdu l-barri minn qrunu u fi ftit żmien bdew jagħmlu użu minn dawn l-għodda.

L-esperjenza fil-klassi għallmitni li iva hemm studenti li m’għandhomx aċċess għall-Internet. Urietni ukoll li hemm oħrajn li anke jekk għandhom aċċess għal internet, mhux dejjem għandhom kemm jixtiequ aċċess. Hemm min jgħix f’familja fejn kompjuter irid jintuża minn tlieta jew erba’ membri tal-familja. Allura kemm ilni ngħallem, mhux biss f’dal-perjodu, dejjem rajt li meta nuża l-mezzi teknoloġiċi, nara li dejjem noffri alternattiva li tista’ tintuża minn min għandu aċċess limitat. Dejjem ngħid lili nnifsi li anke jekk mhux faċli, jrid ikolli Pjan A u Pjan B. S’issa kull student u studenta li ngħallem l-università kollha sabu mod kif jikkomunikaw online. Fl-eventwalità li tqum iċ-ċirkustanza qed nipprepara lili nnifsi għal dawn is-sitwazzjonijiet. 

Naħseb iż-żmien li għamilna bogħod mill-klassi għen lil ħafna edukaturi japprezzaw kemm hu sabiħ li tkun fil-klassi, anke jekk sikwit wieħed jgħejja. Xi ħaġa li billi ħafna kienu jagħmluha kuljum, forsi kienet saret rutina għal uħud u allura uħud nsew il-ġmiel tal-vokazzjoni ta’ għalliem.  Apparti dan naħseb li l-pont li bnejna bejn il-klassi u t-teknoloġija, ġie ħafna qabel ħafna ħolmu. In-neċessitàgħenitna biex flok il-pjan ta’ tagħlim online jibqa’ biss possibilità volontarja, issa sar frotta li ħafna daquha u li apprezzaw it-togħma tajba tagħha. Meta jgħaddi kollox, ħafna iżjed se jkunu f’pożizzjoni li jibbilanċjaw iż-żewġ realtajiet.

More in Politika