'Ma rridx niġu f'sitwazzjoni fejn ikollna nagħżlu min jieħu ventilator u min le' - Charmaine Gauci tixhed

Gauci xehdet fil-każ Kostituzzjonali li Yorgen Fenech fetaħ kontriha għax qed jisħaq li l-ordnijiet jiksrulu d-drittijiet tiegħu

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, xehdet fil-każ kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech, ir-raġel akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Gauci kienet mistoqsija mill-Imħallef Lawrence Mintoff dwar l-istat ta’ emerġenza pubblika li ddikkjarat kawża tal-pandemija tal-COVID-19.

Kieku ma implimentajnix il-miżuri, saħqet Gauci, ir-riskju kien li s-servizzi ta-saħħa ma kinux ilaħħqu.

“Nistgħu nħarsu lejn l-Italja biex nifhmu dak li ġara. Jekk ma niħdux il-miżuri neċessarji, il-konsegwenzi huma kbar. Ħafna mill-popolazzjoni tkun affettwata, persuni vulnerabbli, anzjani u persuni b’mard kroniku jiżviluppaw kumplikazzjonijiet u jistgħu jmutu. Jekk ma nżommux ir-rata ta’ trasmissjoni baxxa, se jkollna ħafna aktar każi ... is-servizzi tas-saħħa ma jlaħħqux mad-domanda,” saħqet Gauci.

Insistiet li ma tixtieqx li naslu f’sitwazzjoni fejn il-pajjiż ikollu jagħżel liema pazjent għandu jitpoġġa fuq il-ventilator u min le.

Propju għalhekk, spjegat il-Professur Gauci, li waħda mill-miżuri kienet li jingħalqu l-Qrati.

Mistoqsija mill-avukat Charles Mercieca, Gauci kkonfermat li din kienet l-ewwel darba minn meta saret Supretendent li l-Qrati kellhom jingħalqu.

Ikkonfermat li l-avviżi legali ma taw l-ebda indikazzjoni meta l-Qrati se jerġgħu jiftħu. 

Kien hawn li l-Avukat Mercieva, anke waqt li kkwota minn studji, fakkarha li anke l-ħabs huwa post fejn il-virus jista’ jinfirex malajr.

“Jekk ma tiħux il-miżuri neċessarji,” wieġbet il-professur waqt li fakkret li fil-ħabs u anke fiċ-ċentri tad-detenzjoni u d-djar tal-anzjani ttieħdu l-miżuri kollha preventivi.

L-Avukat Mercieca kkritika wkoll il-fatt li l-Avukat tal-Istat qed tisħaq li Yorgen Fenech qed juża l-Qorti Kostituzzjonali biex jattakka lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, waqt li saħaq li flimkien mal-bqija tal-poplu, anke Fenech ma għandux ħlief kliem ta’ tifħir għal Gauci u dawk kollha li qed jiġġieldu l-pandemija.

Iżda l-Istat tal-Avukat, Victoria Buttigieg, fakkret lill-Avukat Mercieca li Fenech, fil-proċeduri li fetaħ, qed jakkuża lil Gauci li kisritlu d-drittijiet umani tiegħu. 

“L-applikazzjoni tattakka lis-Supretendent u lix-xogħol tagħha, fosthom l-ordnijiet fi żmien il-pandemija,” insistiet Buttigieg.

L-Imħallef insista li d-deċiżjonijiet ta’ Gauci jaffettwaw il-libertajiet ta’ kulħadd.

“Trid tassigura li s-saħħa pubblika tkun protetta. Irid jinħoloq bilanċ bejn id-drittijiet individwali u dawn pubbliċi. Ħadd mhu qed jattakka lil ħadd,” insista l-Imħallef.

More in Politika