‘Inutli toqgħod tibki u teqred fuq Facebook ... minn Jannar ‘l hawn rebus fl-immigrazzjoni’ – Neville Gafà

“Il-problema tissolva kif konnha nsolvuha aħna" - Neville Gafa' jitkellem dwar dak li kien jagħmel meta kien jaħdem Kastilja u dak li tqabbad jagħmel issa

“Inutli tikteb fuq Facebook kull filgħodu. Il-problema tissolva mil-Libja. Inutli toqgħod tibki u teqred fuq Facebook.” Hekk saħaq mal-gazzetta ILLUM l-eks uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Neville Gafà meta kkuntattjat mill-gazzetta ILLUM biex jiċċara l-irwol li kellu nhar it-13 ta’ April, l-għada tal-Għid, biex dgħajsa b’għadd ta’ immigranti, inkluż ħames katavri, tintbagħat lura lejn Tripli.

L-irwol li Gafà kellu f’din l-operazzjoini baqa’ mċajpar għax minkejja li hu, taħt ġurament, qal iswed fuq l-abjad li kien involut “f’missjoni biex dgħajsa b’51 immigrant irregolari abbord, fosthom tmien nisa u tliet minuri, jiddaħħlu fil-port ta’ Tripoli,” min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela insista li Gafà ma kkoordina xejn f’isem il-Gvern, iżda ntalab biss juża l-kuntatti tiegħu.

Ikkuntattjat minn din il-gazzetta, biex jirreaġixxi u allura jiċċara aħjar x’kien l-irwol tiegħu, Gafà insista li ma kellu xejn iżjed xi jżid ma dak li diġà qal, jiġifieri li tqabbad mill-OPM biex jikkoordina direttament mal-Ministeru tal-Intern Libjan kif ukoll mal-Gwardji tal-Kosta. Insista biss li s-soluzzjoni tinsab il-Libja u mhux fuq Facebook.

“Il-problema tissolva mhux imbilli toqgħod titkellem ma’ tal-Vatikan jew mal-Unjoni Ewropea, toqgħod tibkilhom u teqred. Minn fejn ġejja l-problema? Mil-Libja. Il-bqija mhux se tissolva l-problema,” insista Neville Gafà mal-ILLUM.

Meta xhur ilu kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Neville Gafà kien qal li hu “waqqaf” eluf ta’ immigranti milli jaslu Malta u għalhekk l-ILLUM staqsietu x’kien qed jagħmel differenti hu, meta kien għadu uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u kien tiela’ u nieżel il-Libja.

“Il-problema tissolva kif konnha nsolvuha aħna,” beda jispjega Gafà b’referenza għaż-żmien l-amministrazzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. “Jien kont ninżel hemm isfel, niltaqa’ mal-istakeholders u l-problema tissolva. Żammejna s-sitwazzjoni taħt kontroll.”
Il-problema “splodiet,” fi kliem Gafà, għax dan ma għadux isir.

“Meta kont hemm jiena, kont ninżel ta’ spiss u s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll. Minn Jannar ‘l hawn, rebus,” insista Gafà li rriżenja mill-kariga tiegħu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ftit biss wara li Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra.

Mistoqsi jekk hux qed jgħid li ma għadux jeżisti dan il-koordinament, Gafà wieġeb ċar u tond: “hija ċara li ma hemmx koordinament.”
L-ILLUM staqsiet ukoll lil Gafà dwar il-posts li jtella’ kontinwament fuq Facebook dwar is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni, b’ritratti ta’ dak li jkun qed jiġri ‘l barra u mal-kosta Libjana.

“Jiena llum ċittadin privat ... jiena rrid nuri x-xogħol li għamilt jiena,” wieġeb Gafà b’rabja.

Gafà kien akkużat ukoll li f’din “il-missjoni,” kontra kull liġi internazzjonali, għen biex twettaq pushback. Mistoqsi jekk iħossux komdu dwar dan, Gafà qal biss li “mhux se nikkummenta għalissa.” Madanakollu, fl-aħħar jiem insista li hu qatt ma kkoordina push backs, iżda kien qed jara li dgħajjes ma jidħlux fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija.

Kemm-il darba naqraw rapporti dwar immigranti li ġew ittorturati, abbużati u stuprati fil-Libja mit-traffikanti. Għalhekk l-ILLUM staqsiet lil Gafà jekk jagħtix garanzija li dawn l-immigranti li ttieħdu lura lejn Tripli ġewx stmati tajjeb.

“L-IOM (l-organizzazzjoni internazzjonali għall-Immigrazzjoni) iżżurhom kull ġimgħa,” insista Gafà. “Nassigurak li jinsabu tajba.”

Aħbar li ġiet irrapportata wkoll fuq il-midja internazzjonali

Din l-aħbar kienet irrapportata wkoll min-New York Times, bir-rapport kien jisħaq li l-Gvern Malti, permezz tal-użu ta’ tliet dgħajjes tas-sajd privati, interċetta l-immigranti biex dawn jintbagħtu lura fil-Libja.

Skont ir-rapport, din l-informazzjoni għaddhieha lilhom kaptan ta’ waħda minn dgħajjes, kmandant tal-gwardji tal-kosta Libjani u anke “eks uffiċjal Malti” li kien involut.

Ir-rapport jisħaq li d-dgħajjes, Dar Al Salam 1, Salve Regina u Tremar, operaw fuq struzzjonijiet tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Fuq Twitter u anke fl-istess artiklu, il-ġurnalist li kiteb dan l-artiklu, Patrick Kingsley saħaq li l-Gvern Malti baqa’ ma weġibx il-mistoqsijiet li bagħat hu, inkluż mistoqsijiet li bagħat liċ-Chief of Staff f’Kastilja, Clyde Caruana.

Qal ukoll li bil-kummenti tiegħu dwar Gafà, il-Prim Ministru ammetta wkoll l-involviment tiegħu.

More in Politika