L-Awtorità tal-Konsumatur għaddejja b’analiżi biex tidentifika jekk hemmx abbuż fiż-żieda tal-prezzijiet

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-MCAA x’qed tagħmel biex ikun assigurat li ma jkunx hemm abbużi fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali. X’informazzjoni għandu jippreżenta min jirrapporta abbuż?

L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur qalet mal-gazzetta ILLUM li fl-aħħar jiem sar eżerċizzju fuq numru ta’ prodotti essenzjali min-numru konsiderevoli ta’ ħwienet varji bil-għan li jkollna stampa aktar ċara ta’ x’qed jiġri fis-suq.

L-ILLUM tkellmet mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur wara li mal-istess gazzetta, il-Forum Malti kontra l-Faqar appella biex apparti kontrolli fuq negozji, biex ikun assigurat li dawn ma jiftħux, ikun hemm ukoll kontrolli fuq ħwienet, speċjalment dawk żgħar u li jbiegħu prodotti essenzjali, biex ikun assigurat li ma jkunx hemm abbużi fuq il-prezzijiet.

Fit-tweġiba tagħha, l-Awtorità spjegat li tinsab fi proċess fejn qed tevalwa kemm ir-riżultati ta’ dawn l-ispezzjonijiet kif ukoll l-indikazzjonijiet mill-ilmenti li qed tirċievi biex tidentifika jekk hemmx indikazzjonijiet ta’ prezzijiet li qed jogħlew jew sitwazzjonijiet fejn hemm indikazzjoni li qed iseħħ abbuż minħabba s-sitwazzjoni preżenti.

“Ta’ min ifakkar li l-prezzijiet ivarjaw bejn diversi ħwienet anki bejn dawk hekk imsejħa ‘żgħar’, u d-differenza fil-prezzijiet bejn ħwienet kbar u dawk żgħar mhux bilfors tfisser li hemm abbuż. Fil-fatt din id-differenza toħrog minn spezzjonijiet li jsiru b’mod regolari mill-Awtorità,” spjegat l-istqarrija.

 

Tenniet tgħid li jekk mill-analiżi li qed issir jirriżulta li jkun hemm abbuż,  l-Awtorità ħa tkun qed tieħu l-miżuri kollha possibbli. 

‘Irċevejan diversi ilmenti...’

Intant, l-Awtorità kkonfermat li fl-aħħar ġimgħat rċeviet numru ta’ lmenti dwar żieda fil-prezzijiet li ġew irrappurtati kemm fuq prodotti mixtrija minn supermarkets kif ukoll minn mini-markets. 

Madanakollu saħqet li lmenti dwar prodotti mixtrija minn ħwienet żgħar ħafna kienu ftit li xejn.

‘Mhux dejjem ningħataw biżżejjed dettalji’

 Appellat ukoll biex min jagħmel ilmenti dwar żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali jippreżentalha d-dettalji kollha biex tkun tista’ twettaq l-investigazzjonijiet tagħha.

L-Awtorità spjegat li fil-maġġoranza tal-ilmenti li tirċievi, min jirrapporta ma jipprovdix biżżejjed dettalji, fosthom: minn fejn inxtara l-prodott meta kien bi prezz irħas u minn fejn inxtara u ġiet innota ż-żieda fil-prezz.

“Din l-informazzjoni hija importanti li taslilna sabiex wieħed ikun jista’ janalizza dawn id-differenzi,” saħqet l-Awtorità.

More in Politika