Jingħata permess biex jinħaraq in-nar fil-ġranet li normalment fihom issir il-festa
Il-ħruq tan-nar se jkun limitat għall-jumejn li fihom normalment issir il-festa
More in Politika
Il-ħruq tan-nar se jkun limitat għall-jumejn li fihom normalment issir il-festa
Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħabbar li se jingħata permess limitat biex jinħaraq xogħol pirotekniku fil-jiem li fihom normalment tkun iċċelebrata l-festa tal-lokal.
Il-ħsieb wara din id-deċiżjoni hu mnebbaħ minn diversi aspetti, primarjament is-sigurtà u l-ħażna fil-kmamar tan-nar. Dan fid-dawl li l-maġġoranza tal-kmamar tan-nar kienu avvanzaw sew fix-xogħol pirotekniku meta ttieħdet id-deċiżjoni li din is-sena ma jsirux il-festi esterni mill-awtoritajiet tal-Knisja.
Il-pulizija se tkun qed tagħti permessi għal ħruq tan-nar f’dawn il-ġranet u l-ħinijiet.
• Lejliet u nhar il-festa filgħodu u f’nofsinhar.
• Lejliet il-festa fil-ħin li s-soltu fih issir it-tranżulazzjoni (għall-ħabta tas-6pm)
• F’nhar il-festa jingħata permess limitat għal ħarqa ta’ siegħa filgħaxija
• Mhux se jingħata permess għall-ebda logħob tan-nar tal-art u lanqas għal displays.
Dan kollu għandu jsir b’rispett lejn l-Avviżi Legali maħruġa biex ikun miġġieled it-tixrid tal-COVID-19 u mhu se jkun ittolerat ebda ksur ta’ liġi.
Intant, ladarba l-kmamar tan-nar se jkunu qed jaħarqu ferm inqas nar minn dak li jkunu ħadmu għalih, se tkun limitata l-kwota ta’ oxidizer li dawn l-għaqdiet tan-nar jieħdu għas-sena d-dieħla.
Dawn id-deċiżjonijiet kienu meħuda mal-istakeholders involuti u wara konsultazzjoni ma’ esperti fis-suġġetti relatati.
Il-Ministeru javża bil-quddiem li qed jirriserva d-dritt li jibdel l-pożizzjoni tiegħu skont iċ-ċirkostanzi.