Joseph Muscat huwa parti minn tim li qed ifassal pjan ekonomiku għal Malta wara l-pandemija

L-eks Prim Ministru Muscat huwa ekonomista u qed ikollu diversi laqgħat illi fihom qed jitfassal pjan ekonomiku għal pajjiżna wara l-Covid-19

L-eks PM u issa Deputat Laburista Joseph Muscat huwa wieħed minn grupp ta' nies li qed jagħtu l-pariri lill-Gvern f'dak li jirrigwarda pjan ekonomiku għal wara l-pandemija.  Ma' Muscat, f'laqgħa li saret lbieraħ u li proprju ddiskutiet din il-materja, kien hemm ukoll il-Ministru Silvio Schembri, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farugia u c-Chief of Staff f'Kastilja Clyde Caruana, jiżvela is-sit timesofmalta.com.

Dan jispjega dak li l-midja tal-PN iddeskriviet bħala "laqgħa sigrieta" f'Kastilja bejn il-Prim Ministru Robert Abela u Muscat. 

Fl-aħħar ġimgħat l-eks PM diġa kellu nota ekonomika ppubblikata, f'liema nota huwa jagħmel numru ta' tbassiriet ekonomiċi. Fost oħrajn Muscat - Ekonomista bi professjoni - bassar li l-ekonomija Maltija se tonqos bi 2.1% u fl-agħar xenarju anke tonqos bi 12.5%, iżda jbassar ukoll li l-probbabilità hija li din se tirkupra s-sena d-dieħla bi tkabbir ta’ aktar minn 3%.

Muscat iriżenja minn PM wara allegazzjonijiet u akkużi marbutin mal-eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, rabtiet li kellu ma' Yorgen Fenech l-istess Schembri u kif dawn it-tnejn għadhom marbutin b'allegazzjonijiet u akkużi dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Fil-perjodu li fih Muscat kien PM l-ekonomija Maltija rat tkabbir qawwi ħafna, b'rekords fit-turiżmu, riżultati tajbin ħafna fis-suq tax-xogħol u fil-konsum privat, kif ukoll tkabbir b'saħħtu f'diversi oqsma fosthom il-kostruzzjoni u l-proprjetà. It-tkabbir fl-ekonomija Maltija - f'termini ta' Prodott Gross Domestiku -  kien fost l-akbar mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea 

More in Politika