Raġel bil-kanċer kellu joħroġ jaħdem hekk kif il-familja tiegħu titkisser finanzjarjament

IL-UPE tiżvela messaġġ minn għalliema TEFL li tgħid illi sal-lum għadhom ma rċevewx is-suppliment tal-paga u li minħabba f'hekk ir-raġel kellu jerġa joħroġ jaħdem.  Il-unjin tappella ...

 

Il-Unjin tal-Għalliema Professjonali (UPE) fi ħdan il-UĦM qalet illi bosta ħaddiema fl-industrija tat-Tagħlim tal-Ingliż  (EFL) jinsabu taħt il-linja tal-faqar u dan hekk kif uħud minnhom lanqas biss irċevew l-għajnuna ta' €800 bħala suppliment tal-paga.

Il-UPE qalet illi rċeviet bosta emails b'waħda minnhom tkun ta' għalliem tal-EFL li tgħix f'dar b'erbgħa minn nies u fejn ir-raġel huwa pazjent tal-kanċer u ż-żewt itfal ma jaħdmux.  IL-UPE tgħid li dawn għadhom ma rċevewx il-flus f'suppliment ta' paga.  "Il-bżonnijiet ta' din il-familja fisser illi r-raġel, minkejja li huwa vulnerabbli kellu joħroġ jaħdem ... din kienet diġa' familja li kienet qed tgħix bl-eżatt, kemm ikollha saqaf fuq rasha, ikollha dak kollu li huwa bażiku u tħallas il-kontijiet.  Is-sitwazzjoni tal-Covid-19 poġġiethom f'qagħda ħażina ħafna bil-biża' li lanqas il-bażiku mhu se jibqa' jkollhom u bil-biża' li r-raġel tal-familja jkollu l-virus."  Fl-email lill-unjin il-mara qalet hekk:  "X'nista' ngħid?  Lanqas naf x'se ngħid.  X'se nagħmel?  X'se nbiegħ biex ngħix?  Kif se nħallas il-kontijiet?"

Il-UPE appellat lill-Gvern biex iħaffef il-proċess illi bih qed jingħata s-suppliment tal-paga, hekk kif bosta m'għadhomx fix-xifer tal-faqar imma qegħdin fih. 

Il-unjin qed titlob li l-Gvern jippermetti moratorju fuq il-ħlas ta' kontijiet kif ukoll li jkunu riveduti malajr kemm jista' jkun dawk il-kuntratti kollha Zero Hour, jiġifieri kuntratt illi permezz tiegħu inti tingħata xogħol mill-impjegatur, skont kemm ikun hemm bżonn.

Din mhix l-ewwel darba illi ssema' leħen l-għalliema f'din l-industrija li ntlaqtet b'mod ħażin ħafna, bħal kumplament tal-industrija turistika. 

Dan is-sit irrapporta dwar dan l-inkwiet u r-reazzjoni tal-Kap Eżekuttuiv tal-Feltom James Perry.

More in Politika