Għalliema tat-TEFL inkwetati ... is-CEO ta' Feltom jappella għall-kompromess f'sitwazzjoni 'ħażina ħafna'

L-iskejjel tat-Tagħlim tal-Ingliż ntlaqtu ħażin ħafna mill-kriżi preżenti, għalkemm mal-ILLUM James Perry jgħid li huma maż-żewġ skejjel biss li ma ħallsux il-pagi ta' Marzu u jgħid illi l-iskejjel kollha applikaw għal  għajnuna mingħand il-Gvern

Diversi għalliema tal-Ingliż li tkellmu mal-gazzetta ILLUM esprimew tħassib u inkwiet dwar is-sitwazzjoni tagħhom hekk kif uħud qalu illi għal Marzu ma ngħatawx paga, filwaqt li oħrajn qalu li ingħataw somma żgħira.  "Qegħdin f'inċertezza kbira hekk kif ma nafux jekk hux se jkollna paga jew hux se ningħataw flus mill-Gvern, bħal ħaddiema oħrajn," qalet waħda mill-għalliema li ma tħallsux għas-servizz li taw f'Marzu. 

Dan l-inkwiet kien indirizzat mill-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija Għat-Tagħlim bl-Ingliż (FELTOM) James Perry li qal mal-ILLUM illi ħafna  mill-iskejjel tefgħu l-applikazzjoni tagħhom sabiex l-għalliema u l-ħaddiema tal-iskejjel ikunu jistgħu jingħataw is-suppliment tal-paga li qed jagħti l-Gvern. 

Huwa sostna li l-iskejjel tal-Ingliż huma mmarkati bħala entitajiet li jistgħu jibbenefikaw minn din l-għajnuna għalkemm fakkar li din mhux awtomatika hekk kif isiru numru ta' mistoqsijiet biex ikun determinat il-post tax-xogħol hux eleġibbli. 

Kien hawn li qal illi kien ikun aħjar illi kieku n-negozji ġew notifikati jekk it-talbiet tagħhom ġewx approvati jew le, f'ġieħ is-serħan il-moħħ.

Perry iżda jgħid li mhu vera xejn li l-għalliema kollha ma tħallsux il-paga u qal illi dan ġara biss f'xi żewġt iskejjel. 

James Perry
James Perry

Hu jgħid li minkejja li huwa ħażin li ħaddiema ma jitħallsux u hu mhux se jiġġustifika dan, l-industrija tat-Tgħalim tal-Ingliż kienet l-ewwel li ntlaqtet minn din il-kriżi.  "Aħna kellna faxxex sħaħ ta' studenti, Taljani u Franċiżi illi f'daqqa waħda waqfu jiġu għax il-Gvern ma baqax jibgħat studenti.  Dawn ikkanċellaw l-akkomodazzjoni u l-lezzjonijiet li kellhom pero l-iskejjel xorta riedu jħallsu għall-akkomodazjoni li kienu rriservaw," qal Perry. 

"Is-sitwazzjoni hija ħażina ħafna, minkejja dan ma keċċejnix ħaddiema.  Ejja nsibu kompromess," jappella Perry mal-ILLUM hekk kif jgħid illi minkejja problema kbira ta' flus kontanti ħafna skejjel qed iżommu lill-ħaddiema fl-impjieg. 

Dwar il-fatt li wħud mill-għalliema jaħdmu fuq kuntratt Żero Hour - u allura kuntratti fejn persuna tingħata x-xogħol meta jkun hemm bżonn - Perry spjega kif f'din l-industrija hemm tliet tipi ta' ħaddiem: Full time, Part Time u Casual Part Time. Huwa qal illi l-Feltom innegozjat biex il-benefiċċji jeħduhom ukoll dawk kollha li huma casual part time. 

Perry jerġa jtemm b'appell għall-unjins; "aħna ma tfajna lil ħadd fit-triq u ma keċċejna lil ħadd, ejja nsibu kompromess."

Din il-ġimgħa l-Unjin tal-Għalliema Professjonali (UPE), fi ħdan il-UĦM qalet illi lesta tieħu passi kontra l-iskejjel li ma jħallsux il-pagi lill-għalliema. 

Il-UPE qalet illi ħafna minn dawn l-għalliema meta qalu lil dawk li jħaddmuhom biex is-sitwazzjoni tkun irranġata, ħafna mill-impjegaturi qalulhom li m'hemmx flus biex jitħallsu l-pagi u allura dawn ma jistgħux jitħallsu għalissa. Il-UPE qalet illi fl-ebda ħin ma ngħatat idea ta' meta dawn il-pagi se jitħallsu, bl-għalliema jitpoġġew f'sitwazzjoni ta' inċertezza kbira.  

"Agħar minn hekk," kompliet tgħid il-UPE, "ħafna minn dawn l-għalliema qalulhom li xorta jridu jibqgħu jaħdmu, anke jekk mhux se jitħallsu." 

More in Politika