'Għax l-użu tal-kannabis qed jiżdied ma jfissirx li għandu jkun normalizzat'

Caritas Malta, l-Aġenzija Sedqa, il-Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta jisħqu dwar il-bżonn ta' iktar sensibilità lejn persuni li jużaw il-kannabis iżda mhux li l-użu tagħha jkun popolarizzat

Caritas Malta, l-Aġenzija Sedqa, il-Fondazzjoni Oasi u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatrija f’Malta ngħaqdu fi stqarrija li matulha insistew li jinsabu mħassba dwar il-fatt li l-użu tal-kannabis qed jiġi normalizzat u popolarizzat.

“L-użu tad-definizzjoni ‘kannabis rikreattiv’ jgħaddi u jikkonferma l-messaġġ lis-soċjetà li din is-sustanza għandha valur rikreattiv. Mill-esperjenza tat-tipjip u x-xorb nafu li meta droga ssir iktar popolari u anki legali hemm tendenza li s-sustanza tintuża iktar u l-effetti negattivi jinħassu iktar ukoll,” saħqu l-għaqdiet.

Fi kliemhom, ma jfissirx li jekk iktar nies qed jużaw il-kannabis din ma tibqax xi ħaġa li m’hemmx għalfejn ninkwetaw dwarha. 

“Anzi bil-maqlub, għandna nistaqsu għalfejn din is-sustanza dieħla iktar fil-kultura tagħna,” insistew.

Mill-banda l-oħra huma saħqu li:

  • hemm bżonn iktar sensibilità lejn persuni li jużaw il-kannabis
  • Il-liġi tal-2015 – Rijabilitazzjoni u mhux Priġunerija – kienet liġi effettiva u pass ’il quddiem biex persuni li jinqabdu bi kwantitajiet żgħar għall-użu personali jiġu dekriminalizzati u depenalizzati. 
  • Liġi dwar il-cannabis mediċinali kellha passi ’l quddiem peress li l-kannabis għandha propjetajiet mediċi u li meta jiġu użati abbażi ta’ riċerka, ikunu ta’ benefiċċju għall-pazjent.
  • Persuna li tuża l-kannabis jew sustanzi oħra, m’għandhiex tiċċappsilha l-kondotta jew tintbagħat il-ħabs. 
  • Mhux ġust li dawn il-persuni jiġu stigmatizzati

L-istqarrija kompliet li l-għaqdiet irridu jwasslu l-vuċi ta’ inkwiet ta’ ħafna ġenituri li t-tfal tagħhom jiġġustifikaw l-użu tal-kannabis bħala mediċina jew għax “jużaha kulħadd”.

“Nixtiequ nwasslu wkoll il-vuċi tar-riċerka li ħarġet riċentement u li rrepplikat studji li saru qabel, u tikkonferma li l-użu tal-kannabis fl-adolexxenti hu ta’ ħsara kbira fuq il-moħħ u jesponi lill-moħħ għar-riskji ta’ dipendenza fuq droga oħra,” komplew jinsistu.

Huwa appellaw lill-persuni influwenti kollha u minn kull sfera biex filwaqt li jkomplu jgħinu fit-tnaqqis ta’ stigma għal persuna li jużaw is-sustanzi, jaraw li dejjem jasal il-messaġġ lit-tfal u l-adolexxenti tagħna li l-ebda droga ma fiha valur rikreattiv u li kull droga, inkluż il-kannabis, għandha l-perikli tagħha.

“Nibqgħu nittamaw li l-liġijiet li jiġu proposti f’dan ir-rigward, isaħħu l-liġi tal-2015, biex jagħtu iktar ħabel lill-Ġudikatura biex l-ebda persuna li hi dipendenti fuq droga ma tispiċċa l-ħabs iżda tiġi megħjuna ssib stil ta’ ħajja mingħajr is-sustanzi,” saħqu l-għaqdiet. “Nibqgħu nittamaw li liġijiet li jiġu proposti ma jiftħux bibien jew twieqi biex persuna taċċessa d-droga b’mod legali, u li jiġu kunsidrati fil-fond il-konsegwenzi soċjali u l-iżvantaġġi li dan iġib fuq dawk l-iktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.”

Aqra aktar:

More in Politika