L-avukati ta' Fenech jisħqu li huwa vulnerabbli u jista' jkun fil-periklu jekk il-coronavirus jasal fil-ħabs

Huma qalu dan hekk kif reġgħet ġiet miċħuda t-talba tagħhom għall-ħelsien mill-arrest

L-avukati ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qed jisħqu li skont ċertifikat mediku, Fenech huwa persuna vulnerabbli u għalhekk, jekk il-COVID-19 jidħol il-ħabs, il-ħajja tiegħu tista’ tkun fil-periklu.

Huma qalu dan hekk kif il-Qorti reġgħet ċaħdet mill-ġdid it-talba għall-ħelsien mill-arrest

Fenech kien arrestat f’Novembru tas-sena li għaddiet meta nqabad ħiereġ bil-jott tiegħu mill-Marina ta’ Portomaso.

L-arrest ta’ Fenech waslu għall-protesti kbar fil-pajjiż u s-sejħa għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat u anke taċ-Chief of Staff Keith Schembrib u l-Ministru Konrad Mizzi.

Dawn tal-aħħar, allegatament kellhom rabta ma’ Fenech permezz tal-kumpanija tiegħu f’Dubaj 17 Black.

L-Avukati qed jisħqu wkoll li fil-ħabs, Fenech ma kienx ittrattat tajjeb.

Bħalissa, fil-ħabs ma jistgħux jidħlu viżitaturi u r-residenti jistgħu biss ikellmu lil qraba tagħhom permezz tat-telefown u b’mod virtwali.

L-Imħallef Bugeja ċaħad it-talba iżda talab lid-Direttur tal-ħabs biex iżomm għajnejh fuq Fenech.

More in Politika